Internazzjonali

Il-President tal-Brażil taħt burraxka….Jiċħad li pprova jaħbi l-korruzzjoni

Il-President tal-Brażil, Michel Temer, ċaħad rapport li qed jgħid li hu approva ħlas ta’ flus ‘biex jagħlaq ħalq ix-xhud potenzjali’ waqt investigazzjoni dwar il-korruzzjoni.

L-akkuża kontra Temer hi li hu awtorizza pagamenti illegali lill-politiku, Eduardo Cunha, li f’Marzu li għadda weħel il-ħabs għal korruzzjoni, ħasil ta’ flus u evażjoni tat-taxxa.

Il-gazzetta O Globo qalet li kisbet rekording fejn Temer, allegatament, jinstama’ jiddiskuti l-pagamenti ma’ personalità ewlenija fis-settur tal-kummerċ.

Dan meta madwar terz tal-membri tal-Kabinett Brażiljan jinsabu taħt investigazzjoni għal allegata korruzzjoni.

Michel Temer, eksprofessur tal-liġi, kellu rwol importanti fil-proċeduri ta’ impeachment tas-sena l-oħra kontra l-President tal-Brażil ta’ qablu, Dilma Rousseff. Temer, bħala l-Viċi-President ta’ Rousseff, kien ħadilha postha wara li l-konklużjoni tal-impeachment u ladarba hi tneħħiet mill-poter.

Sadattant, l-O Globo qalet li għandha f’idejha rekordings ta’ djalogu bejn Temer u uffiċjal tal-kumpanija JBS; entità ewlenija li tippakkja l-prodotti tal-laħam. Ingħad li t-tapes inkwistjoni kienu preżentati waqt negozjati bejn prosekuturi u żewġ eżekuttivi tal-JBS. Dan fost indikazzjonijiet li l-eżekuttivi inkwistjoni setgħu ammettew dwar reat anqas serju bil-għan li jingħataw piena anqas ħarxa.

Sadattant, l-Uffiċċju tal-President tal-Brażil qal li dawn l-allegazzjonijiet huma foloz filwaqt li sejjaħ biex dawn ikunu investigati bis-sħiħ. Stqarrija partikulari qalet ukoll li ‘Michel Temer qatt ma talab li ssir forma ta’ ħlas biex jinxtara s-skiet tal-eksdeputat parlamentari Eduardo Cunha.’

Filwaqt li l-Uffiċċju kkonferma li kienet saret laqgħa ma’ eżekuttiv tal-JBS f’Marzu li għadda, il-kelliema insistew li ‘ma kien hemm xejn fid-djalogu li seta’ jikkomprometti l-kondotta tal-President Brażiljan’.