Internazzjonali

L-Istati Uniti: Eks-Kap tal-FBI jindaga ‘l-indħil mir-Russja’

 

Eks-Kap tal-FBI inħatar bħala investigatur ewlieni biex jieħu ħsieb l-inkjesta dwar  l-allegat indħil tar-Russja fl-aħħar elezzjoni għall-Presidenza Amerikana.

L-investigazzjoni titratta wkoll kwalunkwe konnessjoni potenzjali bejn Moska u n-nies li mexxew il-kampanja elettorali tal-President attwali tal-Istati Uniti, Donald Trump.

Il-ħatra ta’ Robert Mueller kellha appoġġ sinjifikanti mill-politiċi tal-Partit Repubblikan fil-Gvern u tal-Partit Demokratiku, meta żdiedu s-sejħiet għal investigazzjoni speċjali dwar is-sehem tar-Russja fl-elezzjoni ta’ xhur ilu, li ntrebħet minn Trump.

Il-Viċi Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Rod Rosenstein, intant, qal li l-għażla ta’ investigatur mingħajr l-ebda affiljazzjoni partikulari, f’dan il-każ, għandha sservi fl-aħjar interess tal-poplu.

Il-President tal-Istati Uniti, jiem ilu, keċċa lil James Comey minn direttur tal-FBI u, bħalissa, l-FBI u l-Kungress Amerikan qegħdin jindagaw ir-rabtiet potenzjali bejn il-kampanja ta’ Trump u Moska. Mueller – li se jkollu l-poteri kbar – għandu jmexxi ‘is-sehem tal-FBI fl-investigazzjoni’, meta l-aġenziji sigrieti Amerikani jemmnu li r-Russja ppruvat taqleb l-elezzjoni tal-Istati Uniti favur Donald Trump.

Min-naħa tiegħu, il-President Trump qed ifisser is-sitwazzjoni bħala ‘l-akbar kaċċa politika mingħajr bażi’ fl-istorja ta’ pajjiżu. Trump qal li jrid ikun jaf għalfejn l-eks-President Amerikan Barack Obama u Hillary Clinton, li kkuntestat għall-Presidenza Amerikana għan-nom tal-Partit Demokratiku, ma kinux suġġetti wkoll għal investigazzjoni.

Sadanittant, Trump qal li hu fiduċjuż li kwalunkwe investigazzjoni bir-reqqa ‘għandha tneħħi kull ħjiel ta’ allegazzjoni’ fil-konfront tiegħu u tan-nies ta’ madwaru.