Futbol Sport

Loew jgħid li se jesperimenta waqt it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet

Il-kowċ nazzjonali tal-Ġermanja Joachim Loew qal li filwaqt li t-tim se jagħmel minn kollox biex jirbaħ it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet, l-għan ewlieni tiegħu se jkun li jesperimenta b’diversi plejers sena qabel ma ssir it-Tazza tad-Dinja.

Il-Ġermanja, champions tad-Dinja se jkunu wieħed mit-timijiet li f’Ġunju li ġej se jikkompetu fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet li se ssir fir-Russja. Huma jinsabu fi Grupp B flimkien mal-Awstralja, maċ-Ċili u mal-Kamerun.

Diversi plejers bħal ma huma Mesut Ozil, Toni Kroos, Thomas Muller u Mats Hummels mhux se jkunu qed jiffurmaw parti mit-tim. Fil-fatt, mit-tim li fl-2014 rebaħ it-Tazza tad-Dinja se jkunu biss tliet plejers li se jerġgħu jkunu parti mit-tim li din id-darba se jokkompeti fir-Russja.

“Se nħejju għal dan it-turnament daqs li kieku se nħejju għat-Tazza tad-Dinja għax aħna serji f’kull ma nagħmlu imma bla dubju jibqa’ l-fatt li t-Tazza tad-Dinja hi l-prijorità tagħna. Se nużaw din it-tazza bħala preparazzjoni għas-sena li ġejja imma fl-istess waqt se mmorru b’tim mimli potenzjal,” qal Loew.