Il-kantant-mużiċista Chris Cornell, tal-grupp Soundgarden, u li kiseb fama wkoll bħala protagonista mal-grupp Audioslave, miet fl-età ta’ 52 sena – bir-rappreżentanti tiegħu jsostnu li ‘din il-mewta, ċertament, ma kenitx mistennija’.
Il-familja ta’ Cornell – isem prominenti ħafna fil-mużika Rock – fil-preżent qed taħdem mill-qrib mal-eżaminatur mediku biex tiddetermina l-kawża tal-mewt speċifika. Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-mewt ta’ Cornell qed ikun investigat bħala suwiċidju potenzjali.
Chris Cornell miet matul il-lejl tal-Erbgħa ftit wara li kien ħa sehem f’kunċert ma’ Soundgarden fil-belt Amerikana ta’ Detroit. Il-kunċert sar bħala parti minn tour ta’ dan il-grupp li kellu programmati diversi kunċerti oħra għal dan ix-xahar.
Cornell kiseb anki suċċess kbir bħala solo artist, fejn ħareġ erba’ albums – bl-aktar wieħed riċenti jkun Higher Truth, tal-2015. L-aktar kanzunetta li kisbitlu suċċess fir-Renju Unit kienet You Know My Name (2006) li kienet is-sigla għall-film Casino Royale fis-sensiela 007 li tibbaża fuq l-avventuri tal-aġent sigriet fittizju, James Bond.
B’din il-kanzunetta Cornell sar l-ewwel artist Amerikan li kiteb u kanta theme song għal film ta’ James Bond, u meta hu kien diġà isem kbir fix-xena tal-mużika Rock bħala kantant ewlieni ta’ Soundgarden; il-grupp iffurmat f’Seattle (fl-1984) li ħareġ sitt albums li lkoll kisbu post għoli fil-klassifika. Dan il-grupp, is-sena l-oħra, kien ħabbar ir-ritorn tiegħu fl-istudjos biex jirrekordja materjal ġdid.
Fl-2001, Cornell issieħeb mas-supergrupp tar-Rock, Audioslave, li ħareġ tliet albums ( li kollha sabu post fit-Top 20 tar-Renju Unit) qabel xolja fl-2007.
//= $special ?>