Il-Prinċipessa Mako, tal-Ġappun, għażlet li titlef l-istatus tagħha bħala membru tal-Familja Rjali Ġappuniża b’li tiżżewweġ raġel ‘ta’ livell anqas fis-soċjetà’.
Mako, li għandha 25 sena, hi n-neputija kbira tal-Imperatur Akihito u r-rapporti, issa, qed jirreferu għall-‘engagement ippjanat’ bejnha u Kei Komuro, li l-prinċipessa kienet iltaqgħet miegħu meta t-tnejn kienu studenti u li, fil-preżent, qiegħed jaħdem ma’ kumpanija tal-liġi.
Il-liġi imperjali tal-Ġappun tirrikjedi li prinċipessa titlaq lill-Familja Rjali f’każ li hi tiżżewweġ raġel ‘komuni’ li ma jkollux demm irjali.
Sadattant, is-sitwazzjoni ta’ Mako mistennija tqanqal dibattitu ġdid dwar is-suċċessjoni rjali, meta hemm ukoll il-possibbiltà li Akihito jwarrab dalwaqt minn imperatur.
Il-Prinċipessa Mako u Kei Komuro ilhom jafu lil xulxin mill-2012 meta t-tnejn kienu qed jistudjaw fl-Università Internazzjonali ta’ Tokjo.
Issa, sorsi qrib il-familja rjali qalu li għaddejjin pjani għall-engagement tal-Prinċipessa li jsir uffiċjali biss ladarba jkun hemm skambju ċerimonjali ta’ rigali.
Intant, ix-xandar pubbliku NHK qal li t-tieġ tal-Prinċipessa u Kei Komuro għandu jsir is-sena d-dieħla, b’Komuro, għalissa, jagħmilha ċara li hu ‘ma jridx jikkummenta u li lest jitkellem dwar iż-żwieġ imminenti ladarba ċ-ċirkustanzi jkunu xierqa’.
L-Imperatur Akihito, li għandu 83 sena, matul is-sajf li għadda kien indika li qed jaħseb biex iwarrab mid-doveri rjali ‘minħabba raġunijiet ta’ età’.
L-ebda Imperatur Ġappuniż ma qatt warrab mill-kariga tul dawn l-aħħar żewġ sekli u għalkemm il-liġi tal-Ġappun ma tippermettix għal dan, l-awtoritajiet fil-pajjiż qegħdin jikkunsidraw il-bidliet legali li jippermettu l-abdikazzjoni ta’ Imperatur.
//= $special ?>