L-uffiċini ta’ Nexia BT reġgħu bil-Pulizija mal-bieb hekk kif ikompli ikomplu l-inkjesti kriminali minn żewġ Maġistrati differenti dwar l-involviment taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ta’ Brian Tonna u tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Filwaqt li l-Maġistrat Aaron Bugeja qed imexxi l-investigazzjoni kriminali b’inkjesta dwar l-iskandlu Egrant u l-involviment tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qed tmexxi inkjesta oħra, ukoll kriminali, dwar l-iskandlu ta’ korruzzjoni u tixħim minn Brian Tonna u Keith Schembri. Tonna huwa wieħed mid-Diretturi ta’ Nexia BT.
Ilbieraħ, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras marret fl-uffiċini ta’ Nexia BT biex tiġbor aktar provi dwar l-inkjesta li qed tmexxi. Il-każ hu dwar il-mod kif Brian Tonna għadda €100,000 f’tixħim lil Keith Schembri permezz ta’ kont f’Pilatus Bank ta’ kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands.
Fil-ħin li ġej, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil mistenni jippreżenta aktar provi lill-ġudikatura dwar każ ieħor ta’ tixħim, din id-darba bl-involviment ta’ Keith Schembri u l-eks-Direttur tat-Times Adrian Hillman.
Intant, dwar l-inkjesta ‘Egrant’, ilbieraħ il-gazzetta ‘Illum’ irrappurtat b’mod skorrett li l-inkjesta dwar ‘Egrant’ kienet lesta. Madanakollu aktar tard sar magħruf li din l-inkjesta mhux talli mhux lesta, iżda talli l-Maġistrat għadu qed jisma’ l-provi. L-iskandlu ‘Egrant’ jinvolvi żewġ ‘declarations of trust’ li nħarġu minn ‘safe’ f’Pilatus Bank minn whistleblower, liema dokumenti juru li l-kumpanija ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru.
//= $special ?>