Il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ qed jirrifjuta li jitla’ jixhed quddiem il-Parlament Ewropew minkejja rapport mill-gazzetta Times of Malta li l-Prim Ministru se jirċievi t-tieni stedina biex jagħmel dan.
Muscat diġa rrifjuta li jmur jixhed quddiem il-Kumitat PANA fit-18 ta’ Mejju minkejja ittra mibgħuta miċ-Chairperson ta’ dan il-kumitat Werner Langen. Dalgħodu, The Times irrappurtat li issa, l-istess kumitat talab lill-Prim Ministru Joseph Muscat u liċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, biex imorru jixhdu wara l-elezzjoni f’Ġunju.
“Mhuwiex aċċettabbli li l-Prim Ministru, u ċ-Chief of Staff tiegħu, li ma jidhrux quddiem il-Parlament Ewropew. Speċjalment meta Dr. Muscat huwa l-President tal-Kunsill Ewropew” qal kelliem għall-kumitat PANA ma’ The Times. “Ladarba għadna nixtiequ spjegazzjoni minn Dr. Muscat, se nkunu qed nerġgħu insejħulu wara l-elezzjoni. Nisperaw li din id-darba jattendi”, żied jgħid l-istess kelliem.
Imma f’kummenti b’risposti għal mistoqsijiet ta’ NET News, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma deherx entużjast wisq b’din l-aħbar, tant li baqa’ jinsisti li ma jmurx quddiem il-Parlament Ewropew meta mitlub.
Muscat qed jinsisti li ma jmurx quddiem il-Parlament Ewropew jekk ma jkollux f’idu r-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Mistoqsi x’qed iżommu milli jmur jagħmel l-istess argumenti li qed jagħmel f’Malta dwar l-innoċenza tiegħu, Muscat qal li ma jridx imur quddiem il-Parlament Ewropew biex jargumenta.
//= $special ?>