F’post fuq Facebook id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li jemmen li l-Beltin għandhom jingħataw dak li jixirqilhom bi dritt u mhux bi pjaċir. Dan wara li f’dawn l-aħħar jiem intqalu ħafna affarijiet dwar il-faċilitajiet sportivi ta’ Valletta FC.
Claudio Grech qal li għaldaqstant il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista ser tibqa’ konsistenti, għalhekk il-PN jirrijaferma li fl-2011 Valletta FC ingħataw medda ta’ art f’Ħal Farruġġ ta’ aktar minn 22,000 metru kwadru b’ċens ridott ta’ €750 fis-sena.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandu jiġi estiż it-terminu taċ-ċens b’ħames snin biex jagħmel tajjeb għaż-żmien li ttelllef il-Club minħabba l-ostakli li ffaċċja l-Club biex jipproċedi b’dan is-sit.
Il-PN ser jgħin lil Valletta FC fil-proċess tad-disinn, ippjanar u ħruġ ta’ permessi tal-iżvilupp għall-proġett kif oriġinarjament propost mill-Club fl-2011 bil-għan li jkun jista’ jibda x-xogħol fuq is-sit mill-aktar fis possibbli. L-użu ta’ din l-art kien approvat kemm mill-Kabinett kif ukoll mill-Parlament u għalhekk dan l-impenn huwa riflessjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
Fil-kuntest tal-fatt li l-PN iqis il-qasam sportiv bħala pillastru ekonomiku u soċjali, Gvern Nazzjonalista jimpenja ruħu li jghin ukoll fl-investiment li jrid isir fil-faċilitajiet sabiex dawn isiru mudell ta’ dan il-qasam.
Il-Partit Nazzjonalista jappella biex issa titwarrab il-pika u l-Partit Laburista jingħaqad miegħu biex il-ħolma tal-Beltin fl-aħħar issir realta’.
//= $special ?>