Futbol Sport

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jilqa’ liċ-Champions ta’ Malta fid-Dar Ċentrali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil flimkien mal-klabb ta' Hibernians (Ritratt: Martin Agius)

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil laqa’ fid-Dar Ċentrali liċ-Champions ta’ Malta Hibernians, fl-okkażjoni tar-rebħ tat-12-il kampjonat fl-istorja. Preżenti għal din il-laqgħa, kien hemm il-plejers Pawlisti, membri fl-istaff tekniku kif ukoll membri tal-kumitat ta’ Hibernians taħt it-tmexxija tal-President Tony Bezzina.

Preżenti wkoll għal din il-laqgħa, il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq ir-raba’ distrett flimkien mal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport David Agius.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista feraħ lil Hibernians għal dan is-suċċess fejn qal li din ma kinitx l-ewwel darba li laqa’ lit-tim minn Raħal Ġdid wara xi suċċess fil-futbol. Simon Busuttil qal li filgħodu kien ħabbar diversi setturi ekonomiċi li hu jixtieq jagħti prijorità u sostna li l-isport hu wieħed minnhom.

Simon Busuttil kompla jgħid li klabb bħal Hibernians diġà għandu impatt fis-soċjetà, u b’din l-għajnuna jemmen li l-klabbs ikunu aktar organizzati, fejn qal li hemm ħafna nies dilettanti fl-isport speċjalment fil-futbol fuq livell ta’ klabbs.

Fi tmiem il-laqgħa, il-President ta’ Hibernians Tony Bezzina preżenta flokk tal-okkażjoni lill-kap tal-Partit Nazzjonalista.