Il-Partit Nazzjonalista rebaħ żewġ deċiżjonijiet kontra l-istazzjon nazzjonali quddiem l-Awtorita tax-Xandir – u ingħata raġun li l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS naqset milli tirraporta numru ta’ aħbarijiet ta’ importanza kbira – fosthom: ix-xhieda fil-Qorti tal-każ tal-pagi tal-whistleblower fil-każ ta’ Egrant kontra Pilatus Bank, u kif TVM ikwota lil Joseph Muscat ibażwar kliem Simon Busuttil.
Il-Partit Nazzjonalista ilmenta mal-Awtorita’ tax-Xandir dwar il-bulletin tal-aħbarijiet tas-16 u 17 ta’ Mejju – fejn id-Direttur tal-Informazzjoni Matthew Bonett ilmenta dwar nuqqas ta’ ġudizzju tajjeb dwar x’jikkostittwixxi valur ta’ aħbar u kif hemm tattika manipulattiva mill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS.
Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-każ ta’ Pilatus Bank, l-Awtorità tax-Xandir xejnet id-difiża tal-PBS, tant li spjegat kif “il-mument li l-persuna in kwistjoni għażlet li tkun whistleblower fil-każ dwar il-kumpanija Egrant, din daħlet fil-kontroversja politika, u sa ċertu punt irrinunzjat għall-ħajja privata u saret suġġett ta’ interess pubbliku u għaldaqstant ix-xhieda tagħha fil-Qorti f’dan il-każ kellha importanza u valur t’aħbar”.
L-Awtorita’ tax-Xandir ikkundannat n-nuqqasijiet tal-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS u saħqet mill-ġdid fuq l-importanza li r-rapporti ikunu preċiżi u korretti għall-benefiċċju tas-semmiegħa u t-telespettaturi – u tat raġun lill-Partit Nazzjonalista għall-ilmenti tiegħu.
Waqt din il-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista lmenta dwar ir-rappurtaġġ tal-PBS drabi oħra mal-Awtorita’ tax-Xandir, u għalkemm ma ngħatax raġun – il-PBS kien imwissi biex juża aktar id-diskrezzjoni objettiva tiegħu.
//= $special ?>