Gvern Ġdid Nazzjonalista jassigura li l-Kummissarju tal-Pulizija jintagħżel bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament u mhux ikun magħżul direttament mill-Prim Ministru.
Spjega dan il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami waqt il-programm Jien Nagħżel Malta. Programm li matulu Beppe Fenech Adami elenka l-proposti ta’ Gvern Nazzjonalista indirizzati għall-Forzi Dixxiplinati jiġifieri l-Pulizija, l-Protezzjoni Ċivili, l-Forzi Armati ta’ Malta u anke l-Gwardjani tal-Ħabs.
Waqt il-programm ipparteċipaw anke l-kandidati Liam Sciberras, Francis Zammit Dimech u Mary Grace Vella.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista Fenech Adami spjega kif f’dawn l-aħħar 4 snin il-Korp tal-Pulizija għadda minn trawma. Semma’ kif f’4 snin kellna ħames kummissarji tal-Pulizija u li issa wasal iż-żmien li dan ma jibqax ikun magħżul direttament mill-Prim Ministru. Beppe Fenech Adami qal li wasal iż-żmien li nkunu politikament verament maturi u l-Kummissarju tal-Pulizija jintagħżel b’żewġ terzi tal-Kamra tar-rappreżentanti.
Proposta oħra kienet dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati li hemm uħud minnhom li jaħdmu ġimgħa ta’ 46 siegħa minflok 40. Din tapplika għall-ħaddiema kollha tal-Korpi dixxiplinati. Spjega kif Gvern ġdid Nazzjonalista jonora kull ftehim li laħaq il-gvern preżenti fejn jidħlu pagamenti ta’ overtime. Proposta oħra tikkonċerna l-pensjoni tas-servizz li din tibda tingħata biż-żieda skont l-ogħli tal-ħajja. Fi żmien xahrejn li tkun għamilt l-extra duty tiegħek titħallas minnufih. Dan minbarra li t-taxxa tinżel minn 15% għal 10% fuq l-ewwel €10,000.
Proposta oħra hi li jkunu mmodernizzati l-għases tal-Pulizija u li tkun intensifikata l-preżenza tal-korpi dixxiplinati f’lokalitajiet fejn hemm rata għolja ta kriminalita’ bħal fis-Swieqi, Paceville, Pembroke, San Giljan, San Pawl il-Baħar u l-Marsa fost oħrajn.
Beppe Fenech Adami tkellem wkoll dwar is-sitwazzjoni fil-Ħabs. Hu qal li Gvern Nazzjonalista jassigura li ssir ir-riforma li hemm bżonn fil-ħabs biex il-ħabs ikun post fejn il-priġunieri jirriformaw ruħhom bi sħiħ. Dan isir anke bis-sapport tal-NGOs u tal-familji tal-prigunieri minbarra l-għajnuna tal-awtoritajiet.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami temm jgħid li l-Partit ilu jipprepara l-proposti tiegħu biex ikun lest għal kull eventwalita’ kif fil-fatt ġara hekk kif il-gvern ta’ Joseph Muscat ħabbar elezzjoni ġenerali sena qabel.
//= $special ?>