Internazzjonali

Iwaqqfu l-investigazzjoni dwar Assange b’konnessjoni ma’ stupru

Il-prosekuturi fl-Iżvezja deċidew li jwaqqfu l-investigazzjoni preliminarja dwar allegazzjoni ta’ stupru kontra Julian Assange, il-fundatur ta’ Wikileaks, biex, b’hekk, ġabu fi tmiem kwistjoni legali li kienet ilha fis-seħħ għal seba’ snin. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-prosekuturi konkludew li ‘f’dan il-punt, huma eżawrew il-possibbiltajiet kollha li titmexxa l-investigazzjoni’.

Id-Direttur tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi, Marianne Ny, qalet li biex huma jipproċedu bil-każ, Assange irid ikun notifikat formalment dwar is-suspetti kriminali fil-konfront tiegħu. U peress li l-prosekuturi Żvediżi ‘mhumiex jistennew l-għajnuna (f’dan il-każ) min-naħa tal-Ekwador’, l-investigazzjoni ‘qed ikollha tieqaf f’dan il-punt’.

Julian Assange, fl-2012, kien fittex il-kenn fl-ambaxxata tal-Ekwador f’Londra wara li kien tilef ir-rikorsi fil-qorti intiżi biex hu ma jispiċċax estradit lejn l-Iżvezja biex iwieġeb għal akkużi ta’ stupru (li l-istess Assange kien dejjem ċaħad għalihom).L-investigazzjoni tkun tista’ tibda mill-ġdid f’każ li Assange jagħmel ruħu dispost għal proċess fl-Iżvezja.

Kien hemm anki tieni allegazzjoni dwar aggrediment sesswali mressqa minn mara Żvediża fil-konfront ta’ Assange. Intant, l-awtoritajiet tal-Iżvezja kienu waqqgħu din l-allegazzjoni fl-2015 wara li kien skada l-istatut ta’ limitazzjoni.

Issa, ladarba twarrbet ‘it-theddida mill-Iżvezja’, Assange, li hu ċittadin Awstraljan, jista’ jagħżel li jitlaq mill-ambaxxata tal-Ekwador. Iżda l-avukati tiegħu qalu li hu mhux se jagħmel hekk mingħajr il-garanzija li ma jiffaċċjax estradizzjoni lejn l-Istati Uniti rigward akkużi potenzjali dwar l-ispjunaġġ li huma konnessi mal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni permezz tal-Wikileaks.