Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis komplew jibgħatu aktar messaġġi ta’ inċertezza għar-rigward tal-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta hekk kif jirriżulta li l-Gvern għadu bogħod li jiffirma xi tip ta’ memorandum of understanding ma’ sieħeb strateġiku ġdid. Il-Gvern diġa kien iffirma memorandum of understanding mal-Alitalia, iżda t-taħdidiet kienu fallew.
Meta kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Qawra, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kien hemm kumpanija ta’ ekwità nteressata fl-Air Malta, bil-Prim Ministru jgħid li din il-kumpanija kienet mitluba ssib sieħeb strateġiku biex jingħaqad magħha. Imma jirriżulta li minkejja dan l-iskambju ta’ komunikazzjoni, xi tip ta’ ftehim preliminari għadu ‘l bogħod.
“Sa issa mhux qed nifformalizzaw, għax il-memorandum of understanding għadna ma wasalniex għalih” ikkonferma l-Prim Ministru fil-kummenti tiegħu. “Beħsibna nibqgħu għaddejjin b’dawn it-taħdidiet sakemm naslu għal MOU formali”, żied jgħid.
Intant, tiżdied il-konfużjoni dwar x’tip ta’ futur il-Gvern irid jagħti lill-Air Malta. Wara li fix-xhur li għaddew il-Ministru Edward Zammit Lewis ħareġ kontra l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li jinbiegħu ishma lill-pubbliku Malti, dalgħodu, il-Prim Ministru qal li qed jikkunsidra bejgħ ta’ ishma lokalment.
Fil-jiem li għaddew, uffiċjali għolja tal-Gvern u tal-Air Malta giddbu lill-Prim Ministru Joseph Muscat meta f’kummenti ma’ The Times qalu li l-Gvern mhux qed jiddiskuti ma’ sieħeb strateġiku ġdid, imma Muscat qed jibqa’ jgħid li dan mhux minnu. Dan it-taħwid ikompli jżid l-inċertezza dwar il-futur tal-Air Malta.
//= $special ?>