#muscatgate Lokali

L-Istitut tal-Accountants se jieħu passi dixxiplinarji kontra Brian Tonna u Karl Cini

Brian Tonna u Karl Cini ta' Nexia BT

L-Istitut Malti tal-Accountants illum ikkonferma li se jkun qed jieħu passi dixxiplinarji kontra d-Diretturi ta’ Nexia BT Brian Tonna u Karl Cini.

L-Istitut ikkonferma dan mal-media wara stqarrija li fiha kkritikaw id-dawl ħażin li tpoġġew fih l-accountants wara l-pożizzjoni li ħa l-bank Ġermaniż Commerzbank li ma jaċċettax dokumenti mingħand accountants Maltin.

Il-passi dixxiplinarji għandhom iwasslu biex Brian Tonna u Karl Cini jitteħdulhom il-liċenzji tagħhom ta’ accountants. Skont il-President tal-Istitut tal-Accountants Franco Azzopardi, mhux magħruf meta dan il-proċess jitlesta, iżda l-passi dixxiplinarji bdew mill-Kunsill tal-Istitut u ntbgħatet ukoll ittra lill-Bord tal-Accountancy.

Fil-kummenti, li saru ma’ The Malta Independent, hemm livell għoli ta’ skrutinju u ‘due diligence’ li l-accountants għandhom jassiguraw meta jkunu qed jaħdmu għal ‘Politically Exposed Persons’.

Brian Tonna u Karl Cini kienu ż-żewġ persuni li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama permezz tal-kuntatti tagħhom f’Mossack Fonseca fil-Panama. Huma ssuplixxew id-dokumenti kollha meħtieġa biex dawn il-kumpaniji setgħu jinfetħu. Saret ukoll ħidma biex il-kumpaniji sigrieti fil-Panama jkollhom ukoll kontijiet bankarji. Id-dokumenti żvelati fil-Panama Papers juru li fil-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi kellhom jitpoġġew miljun dollaru fis-sena.

Infetħet ukoll kumpanija sigrieta għal Keith Schembri kif ukoll kumpanija sigrieta allegatament, u skont kontenut ta’ dokumenti żvelati mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, għall-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat.