Futbol Sport

L-Union Dinjija tal-Plejers b’kungress f’Malta

Il-FIFPro organizzat il-Kungress tagħha f'Malta din il-ġimgħa

Wara biss 3 snin ta’ sħubija sħiħa, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Plejers tal-Futbol, ġiet fdata biex torganizza kungress prestiġjuż għad-diviżjoni Ewropea tal-FIFPro. Bejn is-16 u 17 ta’ Mejju 2017, delegati minn madwar l-Ewropa kollha, iltaqgħu Malta sabiex jiddiskutu il-passi li jmiss għall-Union Dinjija tal-Plejers.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, il-President tad-diviżjoni Ewropea tal-FIFPro Bobby Barnes, irrimarka dwar ir-rabtiet bejn Malta u pajjiżu, l-Ingilterra. B’referenza għall-George Cross, mogħti lil Malta għall-qlubija, huwa għamel paraguni mal-ġlieda qalbiena tal-FIFPro u MFPA għal dak li hu sewwa.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFPA Carlo Mamo, tkellem dwar kif, l-esperjenzi kalċistiċi personali tiegħu wassluh għand FIFPro u għal fondazzjoni tal-MFPA. Mamo semma l-progress li diġà sar kif ukoll dak li għad irid isir.

Hu rrefera għat-tneħħija tas-salary capping u l-qbil fuq kuntratt standard bir-rekwiżiti minimi, bħala suċċessi importanti, u t-tneħħija tal-Parametri u l-aċċess għal Qrati nazzjonali bħala l-iktar affarijiet urġenti fuq l-aġenda tal-MFPA.

Rappreżentanti mill-Heroes of Football indirizzaw il-kungress. Fi preżentazzjoni li ispirat lil dawk preżenti, huma tkellmu dwar orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru bħala suġġett taboo fil-futbol.

Preżentement ma hemm l-ebda plejer professjonali fl-Ewropa li ħareġ fil-pubbliku bħala omosesswali, minħabba t-tensjoni kbira li hemm madwar dan is-suġġett. Plejers omosesswali jaffaċjaw il-biża li ma jiġux aċċettati fil-dressing room u li jiġu rrifjutati mill-partitarji. Il-Proġett Heroes of Football qed jimmira li jbiddel il-mentalità billi jagħmel il-futbol eżempju ewlieni fit-triq għal soċjeta inklussiva. Id-diviżjoni Ewropea tal-FIFPro approvat dan il-proġett.

Tags