“Dan huwa pjan bi ħsieb” qal il-Prim Ministru Joseph Muscat meta llejla kien qed iniedi l-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Manifest li fih, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ma tissemmiex darba waħda.
F’manifest ta’ 171 paġna, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ma tissemmiex darba waħda. Il-kelma “kontabbilta” tissemma darba biss, f’paġna 164 tal-manifest elettorali, iżda tissemma biss f’proposta li m’għandha xejn x’taqsam ma’ kontabbila’ mill-Gvern, iżda kontabbilta’ minn persuni li jokkuppaw karigi f’awtoritajiet regolatorji.
Anke l-kelma “trasparenza” ngħatat il-ġenb f’dan il-manifest elettorali, u tissemma biss darbtejn, darba f’titlu u darba oħra f’wegħda li qed jagħmel il-Partit Laburista li jippubblika l-kuntratti tal-Gvern minnufih malli jiġu ffirmati.
Għal dawn l-aħħar erba’ snin, il-Gvern kiser il-wegħda li kien għamel erba’ snin ilu, jew inkella, ippubblika kuntratti b’paġni sħaħ mgħottijin bl-iswed, kif tista’ ssegwi f’dan il-link.
Air Malta: Proposta waħda li fiha l-Partit Laburista jammetti li falla
Fil-manifest kollu, tissemma biss proposta waħda dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta. Fil-proposta tiegħu, il-Partit Laburista jammetti li falla fl-aħħar erba’ snin, għax il-wegħda f’dan il-manifest elettorali hija li “Gvern ġdid immexxi minn Joseph Muscat (…) isib soluzzjoni fil-każ tal-Air Malta”.
ODZ: L-ebda wegħda ċara
Għalkemm jissemma l-ambjent, il-manifest elettorali tal-Partit Laburista ma jagħmilx impenn ċar li ma jsirx żvilupp fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp Minflok, il-Partit Laburista qed jgħid li se jsaħħaħ il-protezzjoni ta’ skemi barra miż-żoni tal-iżvilupp, waqt li Gvern ġdid immexxi minn Joseph Muscat ikun kommess li ma jsir l-ebda proġett pubbliku “maġġuri” barra ż-żona tal-iżvilupp.
Fil-manifest, l-anqas ma ssir referenza għall-art ODZ fiż-Żonqor li l-Gvern Laburista ta lill-Ġordaniżi. Dan b’kuntrarju għall-wegħda ċara li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-jiem li għaddew, li ma jsir l-ebda bini fuq art ODZ fiż-Żonqor.
Repetizzjoni ta’ wegħdiet li ma twettqux
Fil-manifest, issir ukoll referenza għal numru ta’ wegħdiet li ma twettqux mill-Gvern, fosthom l-għoti tal-vot fl-elezzjoni ġenerali lil żgħażagħ ta’ 16-il sena. Qed tiġi ripetuta wkoll il-wegħda li tinbena trakka tal-karozza, wegħda li ma nżammitx mill-Gvern f’din il-leġislatura.
//= $special ?>