Lokali

Membri Parlamentari m’għandhomx jinħatru chairpersons ta’ entitajiet tal-Gvern – L-MEA

Jekk membru parlamentari jkun tassew chairperson, għandu jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu meta jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali.

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem, l-MEA għamlet appell lill-partiti politiċi sabiex la darba jiġu eletti fil-gvern f’Ġunju li ġej ma jappuntaw lill-ebda membru parlamentari bħala chairperson jew pożizzjonijiet oħra ta’ fiduċja.

L-MEA qalet dan fi stqarrija ppubblikata aktar kmieni llum li fiha qalet li meta membru parlamentari jingħata kariga ta’ chairperson dan jista’ jwassal għal kunflitt ta’ interess serju bejn ir-responsabiltà li għandu lejn il-partit tiegħu u mill-banda l-oħra r-responsabiltà lejn l-entità li jkunu qed imexxu.

L-assoċjazzjoni tkompli tgħid li jekk membru parlamentari jkun tassew chairperson, għandu jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu meta jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali.

Żiedet tgħid li sabiex gvern ikun immexxi b’governanza tajba, l-entitajiet tal-gvern għandhom jitmexxew b’mod awtonomu u b’hekk ikunu mmexxija minn persuni li jirrapreżentaw lill-publiku ġenerali u mhux lill-membri parlamentari nnfushom.