Elezzjoni 2017 Lokali

In-Nazzjon 19.05.2017

Il-messaġġ politiku li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ilbieraħ filgħaxija f’Għawdex, li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun viċin l-Għawdxin, u l-aħħar żviluppi f’aktar skandli ta’ tixħim u korruzzjoni f’każ ieħor li fih involut iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jiddominaw il-ġurnal In-Nazzjon tal-lum.

In-Nazzjon jagħti wkoll prominenza l-iżviluppi li seħħew ilbieraħ fil-Qorti b’rabta mal-istejjer pubblikati dwar iż-żjara li l-Ministru Chris Cardona, u Deputat Mexxej Laburista, għamel fl-FKK Acapulco, bl-avukati ta’ Chris Cardona jibqgħu jirrifjutaw it-talba biex ikunu preżervati r-rekords telofoniċi tal-Ministru Cardona fil-ġranet li fihom Daphne Caruana Galizia żvelat li l-Ministru Cardona kien fi stabbiliment ta’ burdell fil-Ġermanja.
Stejjer oħra f’In-Nazzjon jittrattaw id-dikjarazzjoni li għamlet l-MEP Soċjalista Ana Gomes, li qalet li l-iskandlu tal-Panama ċappas il-Presidenza Maltija tal-UE; l-intervista li saret lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista fil-programm ‘Extra’ fuq PBS; u l-proposti tal-Gozo Tourism Association lill-partit politiċi fejn saħqet li hi favur il-bejgħ tal-ishma tal-Air Malta lil investituri Maltin biex tibda tiġi indirizzata s-sitwazzjoni nkwetanti fil-linja nazzjonali tal-ajru.
L-opinjonijiet fil-ġurnal tal-lum jinkludu l-analiżi politika ta’ Joe Zahra, eks-Editur ta’ dan il-ġurnal, kif ukoll ta’ osservatur politiku li jkompli bis-sensiela ta’ artikli dwar il-ftehim tal-Gvern ta’ Muscat biex biegħ tliet sptarijiet pubbliċi, ftehim li fissru bħala xejn aktar minn ftehim vili li mhu xejn għajr serq sfaċċat ta’ flus il-poplu.