Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar sitt setturi ekonomiċi ġodda kif ukoll sett ta’ proposti bħala prijoritajiet biex tissaħħaħ l-ekonomija fejn bħalissa qed ifeġġu xquq.
Dawn il-proposti tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Bank Ċentrali ta’ Malta fil-Belt Valletta. Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Viċi Kap Mario de Marco, id-Deputati Claudio Grech u Kristy Debono u l-kandidati Alex Perici Calascione, Sam Abela, Jason Zammit, Errol Cutajar u Amanda Abela.
Simon Busuttil qal li biex tissaħħaħ l-ekonomija, gvern ġdid Nazzjonalista jibda minnufih jaħdem biex nerġgħu nibnu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż ta’ fiduċja, stmat, sigur u ġust. Se ssir ħidma biex nikkonsolidaw il-pożizzjoni tas-setturi tas-servizzi finanzjarji bħala prijorità immedjata.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li rridu nżommu l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta għax nemmnu li pajjiżna għandu bżonn linja nazzjonali biex iżomm il-aċċessibilta minn u lejn Malta.
Prijoritá oħra hi li tingħata għajnuna lis-settur privat biex itejjeb l-infrastruttura tat-telekommunikazzjoni għal ultra high speed internet f’Malta u għall-investiment akbar fil-konnettività permezz ta’ proġetti ta’ international connectivity cables li jgħaqqdu lil Malta ma’ internet backbones separati kemm mal-Ewropa kif ukoll mal-Afrika.
Simon Busuttuil qal li se tkun żviluppata bis-serjetà l-industrija tal-loġistika b’mod li nintegraw u nisfruttaw il-potenzjal tas-setturi marittimi, tal-avjazzjoni, kummerċ, finanzjament tal-kummerċ, risk management, assigurazzjoni, supply chain management, ċertifikazzjoni u teknoloġija tad-distribuzzjoni.
Se tissaħħaħ u titwessa’ l-pożizzjoni ta’ Malta bħala nazzjon marittimu ta’ reputazzjoni internazzjonali u noħolqu klima fejn kull tip ta’ servizzi marbuta mas-setturi marritimi mhux biss jiġu offruti minn Malta imma neħduhom għal-livell li jmiss.
Il-Kap tal-PN qal li se naraw li Malta ssir l-ewwel pajjiż fejn is-servizzi tal-Gvern lin-negozju (G2B) jingħataw kompletament b’mod digitali. B’mod partikolari li kull xiri mill-Gvern – public procurement isir b’mod digitali biex naċċertaw li jkun trasparenza sħiħa u ġustizzja u naraw li l-ħlasijiet għal kull ma jixtri l-Gvern isiru b’temp ta’ 30 ġurnata.
Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li 25% tax-xiri mill-Gvern isir mingħand negozji żgħar ħafna (micro) u negozji żgħar li jimpjegaw anqas minn 50 ruħ – biex ikun assigurat li ż-żgħir ikollu sehem akbar fl-ekonomija.Hu qal li se nattakkaw bis-saħħa il-kummerċ illegali, inkluż dawk li jidħlu u joħorġu mill-pajjiż bla ma jirreġistraw u jħallsu t-taxxi hawn Malta.
Simon Busuttil ħabbar ukoll sitt setturi ekonomiċi ġodda li qed jipproponi għal pajjiżna. Hu fakkar li matul l-erba snin li għaddew il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma ħoloqx settur ekonomiku ġdid imma l-ekonomija kompliet timxi fuq dawk is-setturi li twaqqfu mill-gvernijiet preċidenti immexxija mill-Partit Nazzjonalista. Hu spjega li l-ekonomija tiddependi mid-diversifikazzjoni u għalhekk gvern ġdid Nazzjonalista hu impenjat li joħloq setturi ekonomiċi ġodda.
L-ewwel settur ġdid hu dak imsejjaħ Fintech: Nagħmlu lil Malta leader fir-reġjun għas-settur tal-Finetch, settur li joħloq sinerġija bejn is-settur tas-servizzi finanzjarji u s-settur tal-informatika. Se naħdmu mal-istakeholders biex noħolqu l-aħjar klima u qafas regolatorju biex dan isir u se nwaqqfu Fintech Mobilisation Fund ta’ €200 miljun biex nissapportjaw lis-settur.
Settur ieħor hu dak tad-Digital Media: Simon Busuttil qal li se nwaqqfu International Digital Media Cluster biex ikun ċentru li jattira l-investiment, l-innovazzjoni u l-aqwa talent fis-settur tad-digital contest, media u creative design.
Settur ieħor li jrid ikun żviluppat bħala settur ekonomiku hu dak tal-isport: Simon Busuttil qal li se niffukaw fuq l-isport bħala settur mhux biss soċjali imma settur ekonomiku importanti fl-ekonomija li jġib flimkien l-attivitajiet sportivi, it-turiżmu, l-edukazzjoni, l-isports medicine, ir-riabilitazzjoni, il-liġi dwar l-isport, il-marketing, il-media rights u s-support services. Hu qal li se jinħoloq Seed Fund biex inħajru lis-settur privat jinvesti b’aktar saħħa f’dan is-settur u se naħdmu id f’id mal-assoċjazzjonijiet sportivi u l-clubs biex narawhom jikbru f’operaturi ekonomiċi.
Dwar l-intrapriża soċjali, Simon Busuttil qal li se nibnu settur ta’ interpriża soċjali u nwaqqfu lil Malta bħala ċentru internazzjonali li jattira headquarters ta’ charities, għaqdiet u NGOs internazzjonali. Biex isir dan se jitwaqqaf Social Enterprise Fund ta’ €50 miljun biex jgħin seed investment fi proġetti ġodda. Se tingħata spinta permezz ta’ inċentivi lill-Koperattivi biex nsaħħu dan il-qasam li jista’ jkollu impatt qawwi biex l-ekonomija jgawdi minnu tassew kull min jaħdem fiha.
Settur ieħor innovattiv hu dak imsejjaħ Internet of Things. Simon Busuttil qal li se noħolqu f’pajjiżna Ambjent Urban fil-bliet u rħula tagħna li jisfrutta dak li jissejjaħ l-Internet of Things, fejn oġġetti li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum tagħna ikun imqaddbin mal-internet u jkunu jistgħu jirċievu u jibgħatu informazzjoni b’mod li jistgħu jtejbu il-kwalità tal-ħajja tagħna. Hu qal li rridu nattiraw l-aqwa players, innovaturi u start-ups biex niżviluppaw dan is-settur ġdid, innovattiv u eċċitanti. Irridu naraw li aktar minn qatt qabel, l-IOT, it-teknoloġija fuq il-mobile, il-cloud applications, it-teknoloġija tad-drone, it-3D printing u d-data analytics isiru parti mis-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna.
Is-sitt settur ekonomiku hu dak tal-Blockchain u l-crowdfunding. Simon Busuttil qal li se nfasslu qafas regolatorju dinamiku f’oqsma ġodda fjamanti bħal blockchain u crowdfunding u nesploraw ukoll, permezz ta’ riċerka, oqsma oħra bħal robotics, biotech, genomics u cybersecurity.
Simon Busuttil temm li l-iskop ta’ dawn il-proposti hu li tinħoloq ekonomija għan-nies b’setturi ekonomiċi ġodda u innovattivi filwaqt li jkun hemm tisħiħ tas-settur ekonomiku preżenti.
//= $special ?>