Hemm ħafna spekulazzjoni li, il-ġimgħa d-dieħla, isir intervent militari Russu fil-Libja.
Dan wara li l-Qawwa tal-Baħar Russa ħarġet twissija lill-bdoti u baħħara biex jevitaw zona tul il-kosta Libjana bejn l-24 u s-27 ta’ Mejju. Iz-zona tibda minn ħdejn il-fruntiera Eġizzjana għal 241 kilometru fil-Punent u barra mill-kosta għal madwar 160 kilometru.
Ir-raġuni uffiċjali hi għaliex se jsiru provi ta’ missili, iżda s-suspetti huma li dan, aktarx, għaliex se jkun hemm xi bumbardament fil-Libja. Fil-passat, meta l-militar Russu barra l-kosta Sirjana kien ħareġ notice to airman (NOTAM) warning bħalma għamel fil-każ Libjan, fil-perjodu indikat ikun seħħ bumbardament mill-baħar kontra qagħdiet tar-ribelli fis-Sirja.
Ir-Russja qed tappoġġja lill-Gvern Libjan ibbażat f’Tobruk u bħala konsegwenza lil Khalifa Haftar li jmexxi l-forza militari tiegħu.
Sorsi qed isostnu li meta wieħed jara l-bastimenti militari Russi fiz-zona, is-suspetti huma li dan se jkun aktar minn sempliċi prova missilistika. Bħalissa r-Russja għandha preżenza militari navali mdaqqsa fil-Lvant tal-Mediterran qrib il-port ta’ Tartus, li hu kontrollat mir-Russja.
//= $special ?>


