#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

TINKIXEF L-ISTRATEĠIJA: Laburisti bi struzzjonijiet biex jittimbraw stejjer dwar Egrant bħala ‘gidba’

Struzzjonijiet biex jgħajjru lil Simon Busuttil "giddieb"; Strateġija li tirrifletti l-mod kif Joseph Muscat qed jiskredita l-iskandlu tal-Panama

Tinkixef l-istrateġija tal-Partit Laburista li jiskredita l-evidenza u l-provi kollha dwar l-iskandlu tal-Panama, hekk kif il-partitarji Laburisti qed jingħataw struzzjonijiet biex jittimbraw stejjer dwar ‘Egrant’ u dwar l-iskandlu tal-Panama bħala “gideb”.

Fuq Facebook, qed jiċċirkolaw sensiela ta’ messaġġi li l-partitarji Laburisti qed jintalbu jiċċirkolaw ma’ partitarji Laburisti oħra. Wieħed mill-messaġġi jaqra hekk:

“Nixtieq inmexxilek il-kelma li huwa d-dmir tagħa l-Laburisti li meta joħorġu xi każijiet ta’ Keith Schembri jew ta’ DCG, għamlu ‘share’ li hija gidba, għax qed jagħmlulna xeba’ ħsara. Ħalli l-elezzjoni li jmiss nirbħuha aħna. Grazzi ħafna tal-għajnuna”.

Messaġġ ieħor jaqra hekk: “Din il-ġimgħa ħierġa tal-Egrant. Kif toħroġ, kull ritratt li jkun hemm ta’ Simon ikteb “GIDDIEB: SHAME ON YOU: IRREŻENJA ISSA !!!”. Il-messaġġ jintemm jaqra “Mexxi l-kelma”.

Din l-istrateġija tal-Partit Laburista kienet ċara mill-ewwel ġurnata li ġie żvelat li l-kumpanija ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru, meta f’konferenza tal-aħbarijiet urġenti, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li l-istorja kollha hija gidba. Fl-aħħar ġimgħatejn u nofs, il-Prim Ministru irrepeta kważi kuljum li l-istorja hija “kalunja”.

Filfatt, minkejja pataflun ta’ evidenza u dokumenti ppubblikati fl-aħħar ġimgħat, il-Prim Ministru Joseph Muscat kontinwament irrifjuta li jieħu azzjoni billi jġiegħel lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi jirriżenjaw. Konsistentament, Muscat skredita wkoll l-istorja li ‘Egrant’ hija tal-mara tiegħu, anke jekk ġie ppubblikat il-kontenut ta’ żewġ ‘declarations of trust’ li jgħidu bl-aktar mod ċar li ‘Egrant’ hija ta’ Michelle Muscat.

Din l-istrateġija issa nkixfet b’dawn iż-żewġ messaġġi li waslu għand NET News u li qed jiċċirkolaw fuq Facebook. Strateġija biex partitarji Laburisti jiskreditaw l-istejjer kollha li għandhom x’jaqsmu mal-iskandlu tal-Panama.