Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: “Jiena Nagħżel Edukazzjoni Aħjar” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil illum preżenta l-proposti tiegħu għall-Edukazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed ipoġġi l-edukazzjoni fiċ-ċentru tal-politika tiegħu, bħalma dejjem għamel. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Jiena Nagħżel Malta’.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem ħares lejn il-edukazzjoni bħala ċ-ċavetta għall-pajjiżna. Huwa qal li minn pajjiż mingħajr riżorsi naturali, Gvernijiet suċċessivi rnexxielhom jibdlu lil Malta għall-ġojjel għaliex kienu kapaċi jinvestu bis-serjetà fil-ħiliet u r-riżorsi umani.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ressaq żewġ pakketti ta’ proposti konkreti għall-qasam tal-edukazzjoni, wieħed li jmexxi ‘l quddiem l-edukazzjoni fl-iskejjel u l-ieħor li jiżviluppa l-edukazzjoni avvanzata.

Proposta għall-edukazzjoni fl-iskejjel

1. Gvern ġdid Nazzjonalista, qal Simon Busuttil,  se jagħti lill-edukaturi u lill-għalliema l-għola rispett li jixirqilhom billi jtejjeb il-kundizzjonjiet tagħhom, fosthom fil-pagi; il-workload tax-xogħol; opportunitajiet aħjar għal taħriġ u tagħlim; żvilupp professjonali relevanti anke barra minn Malta; tnaqqis fil-burokrazija fil-management; aktar riżorsi moderni għal teaching-by-doing.

2. Fuq kollox, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Gvern immexxi minnu se jappoġġja bis-serjetà lill-edukaturi f’xogħolhom u l-għalliema se jitħallew jgħallmu. Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista fehem tajjeb dan il-punt u se jħalli lill-għalliema jiffukaw fuq it-tagħlim. Huwa qal li se jiddaħlu Kodiċi ta’ Mġieba u Dixxiplina għall-istudenti; jissaħħaħ lir-rwol tal-Kunsill għall-Professjoni tal-Għalliema biex isir l-organu professjonali għall-għalliema; jitwaqqaf Istitut għall-Mexxejja fl-Edukazzjoni għall-principals, għall-kapijiet u assistenti kapijiet tal-iskejjel. Simon Busuttil qal li Gvern ġdid se jagħti aktar awtonomija lill-kulleġġi sabiex dawn ikunu jistgħu jitmexxew b’aktar effiċjenza u aktar effettività.

3. Gvern Nazzjonalista jwiegħed li se jevita riformi radikali sabiex tinżamm sens ta’ kontinwità, qal Simon Busuttil. Huwa tenna li l-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx li malli tinbidel amministrazzjoni tinbidel anke s-sistema edukattiva mill-ġdid. Simon Busuttil qal li kwalunkwe bidliet li se jintroduċi Gvern immexxi minnu se jibnu fuq il-policy eżistenti filwaqt li se jinħoloq Kunsill Malti għall-Iżvilupp tal-Edukazzjoni biex l-edukaturi ikollhom vuċi fit-tfassil tal-istrateġiji u tal-policies nazzjonali.

4. Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti lill-iskejjel aktar riżorsi umani billi għalliema li m’għadhomx jipprattikaw u LSAs jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol, anki bi skemi ta’ flessibilità, biex il-pool ta’ għalliema u LSAs, ikluż tar-relief techers u LSAs, jikber fl-immedjat.

5. Simon Busuttil qal li Gvern ġdid se jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-LSAs biex aktar nies jidħlu f’dan il-qasam tant bżonnjuż biex it-tfal kollha li għandhom bżonn jiġu assenjati LSA.

6. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li Gvern immexxi minnu se jsaħħaħ ir-relazzjoni mal-iskejjel tal-Knisja u skejjel Indipendenti biex jiġi żgurat li dawn isibu aktar appoġġ fil-ħidma tagħhom u li jiġu inklużi, jekk jixtiequ, f’kull inizjattiva nazzjonali, filwaqt li nkomplu nirrispettaw l-awtonomija u indipendenza tagħhom. Huwa żied li Gvern Nazzjonalista se jara li l-flejjes li għad għandhom jitħallsu mill-Gvern, jitħallsu bla aktar dewmien.

7. Gvern Nazzjonalista ġdid se jreġġa’ lura ż-żieda anti-soċjali li daħħal il-Gvern ta’ Joseph Muscat fil-ħlasijiet tal-eżamijiet tal-MATSEC fl-2014 u se jibda proċess ta’ reviżjoni tal-proċeduri ta’ assessment.

8. Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jiftaħ School of Performing Arts f’livell sekondarju fuq l-istess linji tal-Iskola nazzjonali tal-Isport, li tkun speċjalizzata fil-performing arts biex nagħtu lit-tfal b’talent artistiku l-opportunità li jiffukaw fuq it-talent tagħhom  u jisfruttaw il-potenzjal artistiku tagħhom filwaqt li jkomplu l-edukazzjoni sekondarja.

Proposti għall-Edukazzjoni Għola

1.        Gvern ġdid Nazzjonalista se jibda immedjatament diskussjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ għalliema post-sekondarji bil-għan li jiġi applikat anki magħhom il-prinċipju tal-istess paga għall-istess xogħol, qal Simon Busuttil. Huwa tenna li l-Partit Nazzjonalista jrid jara investiment serju fl-iżvilupp professjonali relevanti tagħhom, inkluż b’taħriġ barra minn Malta.

2. Simon Busuttil qal li Gvern ġdid se jagħti lill-istudenti u lill-għalliema tal-MCAST faċilitajiet mill-aktar moderni u jsiru arranġamenti għal placements barra minn Malta; jingħataw lill-lecturers aċċess għal żvilupp professjonali kontinwu; jiġu offruti aktar riżorsi għat-tagħlim; u jitlesta l-proċess biex l-istudenti li jigradwaw fl-inġinerija mill-MCAST jingħataw warrant.

3. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern imexxi minnu se jżomm l-ITS fil-qalba tal-industrija tat-turiżmu f’San Ġiljan. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jagħti lill-lecturers, lill-istudenti u lill-istaff amministrattiv il-faċilitajiet moderni li jixirqilhom, u appoġġ lill-lecturers li jridu jispeċjalizzaw filwaqt li jinbnew rabtiet aktar b’saħħithom mal-industrija.

4. Gvern Nazzjonalista se jagħti lill-Università ta’ Malta awtonomija amministrattiva u akkademika sħiħa permezz ta’ liġi apposta. Simon Busuttil qal li Gvern immexxi minnu jirrikonoxxi l-Università bħala inkubatur għal knowledge-based start-ups; ilesti l-kostruzzjoni tal-Post-Doctoral Research Centre; jgħin fl-estensjoni tal-Fakultà tal-Inġinerija u tal-Fakultà tax-Xjenza u jibda l-iżvilupp ta’ Sustainable Living Complex li jġibu flimkien il-Fakulta tal-Edukazzjoni, il-Fakultà għall-Ambjent Mibni flimien ma’ Istituti, Ċentru u riżorsi oħra; se jimmodernizza il-faċilitajiet sportivi tal-Università; u se jibni studios għall-iSchool of Performing Arts u l-Institute of Digital Games.

5. Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jintrabat li jagħti prijorità qawwija lir-riċerka u se jżid il-baġit għar-riċerka minn 0.6% għal 3% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP). Ma’ dan, qal Simon Busuttil,  se tingħata żieda sostanzjali fil-fondi għall-ischolarship ta’ studenti tal-PhD.

6. Gvern Nazzjonalista se jagħti inċentivi sostanzjali għar-riċerka li tiffoka fuq l-aspetti soċjali, edukattivi, well-being u żvilupp ekonomiku tal-komunità; iżid għal €1 miljun il-fond tar-riċerka tal-Università ta’ Malta; jagħmel fond ġdid ta’ €5 miljuni għal riċerka fil-physical, applied and social sciences u fit-teknoloġija.

7. Simon Busuttil qal li Gvern immexxi minnu se jinvesti f’edukazzjoni non-formali billi jinħolqu ‘Makerspaces’ (bħal Technology Clubs, Science Clubs, Trade Clubs) fi bliet u rħula madwar Malta billi jiprovdi varjetà ta’ real-life skills, bħal digital skills, lis-soċjeta’ kollha. Din l-inizjattiva, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, se ssaħħaħ in-negozji, l-għaqdiet non-governattivi, il-Kunsilli tal-iskejjel u l-Kunsilli Lokali, biex jinvestu aktar u jgħinu aktar il-komunità lokali tagħhom.

8. Gvern ġdid Nazzjonalista se jiġġenera aktar investiment privat fl-Edukazzjoni post-sekonardja billi joħloq skema ta’ scholarships apposta għal studenti Maltin li jidħlu għal programmi ta’ studju f’istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji privati hawn Malta. Simon Busuttil qal li Gvern immexxi minnu jidħol f’diskussjonijiet mal-operaturi privati biex jiġu appoġġjati istituti ta’ privati orjentati fuq ir-riċerka.