minn Stewart Said
FLORIANA……….2
SLIEMA W………..0
Floriana: J. Haber, A. Scicluna, E. Pepe, E. Ruiz, R. Camenzuli, S. Nayar, M. Vella (A. Cini 72’), S. Pisani, N. Chiesa (C. Borg 87’), M. Fontanella, I. Varela
Sliema: G. Sarao, A. Muscat, S. Biancardi, L. Incorvaia (P. Xuereb 67’), R. Correa, J. Pearson, M. Scerri, M. Muchardi (R. Spiteri 82’), D. Rocha dos Santos (J. Mintoff 30’), F. Temile, J.P. Farrugia
Imwissija: I. Varela 23’, M. Vella 32’ (F), G. Sarao 23’, L. Incorvaia 26’, M. Scerri 34’, R. Correa 66’ (S)
Skurjaw: E. Ruiz 4’, C. Borg 93’ (F)
Referee: Glen Tonna
Wara nuqqas ta’ sitt snin, Floriana rritornaw għar-rebħ ta’ unur meta fil-finali tal-FA Trophy għelbu lil Sliema Wanderers 2-0 biex kisbu l-ewwel unur tal-FA Trophy bit-tazza l-ġdida. Dan ifisser li minbarra l-unur il-ġdid, Floriana kisbu l-20 unur fil-kompetizzjoni kif ukoll daħlu fl-Europa League.
B’hekk, Floriana għalqu staġun b’mod pożittiv wara li tul l-istaġun kienu ta’ theddida għal kull tim. B’hekk il-kowċ Furjaniż Giovanni Tedesco mistenni jibqa’ mal-klabb wara li kien qal li jekk jitlef joffri r-riżenja tiegħu. Din kienet l-ewwel tazza għal diversi persuni fil-klabb fosthom il-President Riccardo Gaucci u l-kowċ Giovanni Tedesco.
Rebħa meritata għal Floriana li kienu l-aħjar tim fil-partita, b’Sliema ftit ikunu perikolużi lejn il-lasti ta’ Justin Haber, kompliċi wkoll il-gowl kmieni fil-partita. Tattikament kienu organizzati aktar kif ukoll kienu aktar perikolużi mill-avversarji.
Floriana fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tagħhom meta minn free-kick mid-distanza ta’ Maurizio Vella, għola waħdu Enzo RUIZ li b’daqqa ta’ ras mill-kaxxa għeleb lil Giuseppe Sarao. Minuta u nofs wara l-Greens marru qrib li jirduppjaw b’xutt ta’ Sebastian Nayar li għadda ftit barra.
Reazzjoni minn Sliema li fit-18-il minuta bnew azzjoni tajba li spiċċat b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Jean Paul Farrugia li ma kienx b’saħħtu biżżejjed u spiċċa barra. Il-partita żiedet fit-tensjoni, bir-referee Glen Tonna jkollu joħroġ il-karti sofor biex iżomm il-kontroll tal-logħba.
Floriana żiedu fir-ritmu u fit-33 minuta kellhom ċans tad-deheb meta b’passaġġ intelliġenti, Steve Pisani ġab lil Mario Fontanella f’pożizzjoni ideali, bl-attakkant jantiċipa lil Sarao iżda l-ballun għadda ċentimetri barra.
Tliet minuti wara, Floriana reġgħu kienu perikolużi bi free-kick mid-distanza ta’ Enzo Ruiz, li deher destinat biex jispiċċa ftit barra, iżda Sarao ġustament ma ħa l-ebda riskju u dawwar f’korner.
Sliema żiedu r-ritmu fit-tieni taqsima, iżda ftit kienu ta’ periklu għal Justin Haber. Ironikament kienu Floriana li dehru li rduppjaw fl-64 minuta f’azzjoni kontroversjali. Kien Steve Pisani li b’azzjoni tajba kellu l-ispazju, daħal fil-kaxxa, qabeż lil Incorvaia, u għeleb lil Sarao b’xutt fil-baxx, fost il-ferħ tal-plejers u partitarji Furjaniżi. Iżda r-referee Glen Tonna bl-għajnuna tar-referee addizzjonali ħassru l-gowl wara li ġġudikaw li Mario Fontanella li kien f’pożizzjoni ċara ta’ offside u prova jieħu l-ballun. Tliet minuti wara free-kick mill-bogħod ta’ Vella għadda ftit barra.
Azzjoni perikoluża ta’ Sliema fl-74 minuta b’xutt djagonali fil-baxx ta’ Muchardi li għadda ftit barra. Floriana marru qrib fit-80 minuta meta reġa’ kien Steve Pisani li prova b’konklużjoni minn barra l-kaxxa, iżda x-xutt għadda barra. Sliema setgħu skorjaw fl-azzjoni sussegwenti b’xutt mill-viċin ta’ Jean Paul Farrugia li ġie mdawwar f’korner minn Haber.
L-akbar ċans tal-logħba għal Sliema seħħ fit-88 minuta meta Frank Temile irċieva l-ballun wara li Scicluna klirja ħażin, u krossja lejn Jean Paul Farrugia, iżda inkredibilment minn ftit metri ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit barra.
Floriana proprju għalqu l-logħba fit-93 minuta meta minn kontrattakk kien is-sostitut Clyde BORG li avvanza mal-linja leminija daħal fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għadda l-ballun minn taħt saqajn Sarao.
Mal-gowl bdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Floriana, li żiedu mat-tisfira finali. L-unika nota negattiva kienu xi inċidenti bejn il-plejers Furjaniżi u Slimiżi, liema argumenti kienu kontrollati fi ftit ħin.
Fi tmiem il-partita, il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo preżenta t-tazza lill-captain ta’ Floriana Nicolas Chiesa, fost il-ferħ tal-plejers, diriġenti u partitarji li wħud minnhom qabżu biex jiċċelebraw kif ukoll dawk li ħonqu l-Istadium Nazzjonali.
//= $special ?>