Elezzjoni 2017 Lokali

Ftehim mal-barrani bil-moħbi …sejħa finta għall-offerti

L-isptar ġenerali ta' Għawdex - Mill-Arkivji

Fl-artiklu tal-lum mis-sensiela ta’ artikli li ppubblika In-Nazzjon matul din il-ġimgħa, Osservatur Għawdxi jfisser u juri kif dak li għamel il-Gvern bil-bejgħ lil kumpanija barranija mmexxija mill-Pakistan Ram Tumuluri, mhu xejn għajr ftehim qarrieqi, inġust u legalment null għax inħema qabel ma ħarġet is-sejħa għal espressjoni ta’ interess.

Ifisser ukoll il-ftehim bħala wieħed mimli gideb u ħabi minnek u saħansitra mill-Parlament.

Il-kronoliġija tal-fatti

Ħarsa lejn il-kronoliġija tal-fatti marbuta ma’ din l-istorja turina b’liema viltà qed jitmexxa pajjiżna, u kif l-għajtiet ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox, u Malta tagħna wkoll, illum intradmu taħt l-ixkejjer tal-Euro, jew aħjar f’kontijiet moħbija, sakemm ma baqgħux flus kontanti moħbija taħt xi saqqu.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri, u seħibhom b’uffiċċju f’Kastilja Brian Tonna, ħareġ sejħa għall-proposti (Request for Proposals) għat-tmexxija tal-Isptar Karen Grech, l-Isptar San Luqa, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fit-27 ta’ Marzu, 2015.

Fil-seduta parlamentali 464, il-Ministru Fearne qal li “l-kundizzjonijiet tas-sejħa kienu disponibbli għal kull min wera interess fihom, bl-akkwist tad-dokumenti relatati u bl-ispezzjonijiet tad-dokumenti, fil-perjodu applikabbli għas-sejħa.

Il-proposti ġew evalwati skont il-kriterji tas-sejha”. Inkredibbilment, tliet xhur biss wara, fis-27 ta’ Ġunju, il-Ministru Fearne qal li kien imħabbar il-preferred bidder. Għax kif qal Joseph Muscat stess, il-laburisti jgħaġġlu biex jiddeċiedu, fejn jaqblilhom.

Bejn is-sejħa għall-proposti sad-deċiżjoni finali għaddew biss sitt xhur

Biex inkomplu nimpressjonaw ruħna bil-ħeffa straordinarja ta’ dan il-Gvern, fid-9 ta’ Settembru 2015, xahrejn u nofs biss wara, f’seduta parlamentari  il-Ministru Fearne qal li l-kumpanija Pakistana VGH ġiet notifikata bl-intenzjoni tal-Gvern li jgħaddi biex jikkonkludi kuntratt ta’ konċessjoni magħha.

Isma’ bilfors u emmen jekk trid, imma bejn is-sejħa għall-proposti sad-deċiżjoni finali għaddew biss sitt xhur. Dan hu perjodu li jinkludi ż-żmien li damet miftuħa s-sejħa għall-offerti, u l-ħeffa li biha ttieħdet id-deċiżjoni tkompli ssir aktar tal-iskantament meta wieħed jiftakar li ħafna drabi, l-evalwazzjoni tal-offerti waħedha ta’ sejħiet pubbliċi tieħu numru ta’ xhur. U din tkun evalwazzjoni fuq affarijiet ferm aktar sempliċi fejn il-kuntratt jingħata lil min jagħmel li jilħaq ir-rekwiżiti pubblikati li jagħmel l-irħas offerta, mhux sejħa dwar l-isptarijiet ta’ pajjizna li li tiswa miljuni ta’ ewro.

L-akbar viltà mhix il-ħeffa nfisha

Imma l-akbar viltà mhix il-ħeffa nfisha. L-iskandlu bla preċedent hu li filwaqt li l-Gvern kien qiegħed isejjaħ għall-proposti internazzjonali għat-tmexxija tat-tliet sptarijiet, il-kbarat tal-VGH kienu diġà qed iduru d-dinja biex isibu investituri għall-progett li ġew imwiegħda mill-Gvern trasparenti ta’ Muscat. Fil-fatt, minn qabel Frar 2015, il-VGH kienu diġà ffirmaw Memorandum Of Understanding (MOU) mal-Gvern minn wara dahar kulħadd!

Skont dan l-MOU, f’dan il-każ ftehim sigriet li jorbot liż-żewġ naħat, il-grupp kien kommess li:

● jieħu f’idejh l-operat tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex;

● jibni faċilità addizjonali ta’ 250 sodda għall-mard akut;

● jirrinova u jtejjeb l-isptar eżistenti, u jdawru fi sptar ta’ 200 sodda għall-kura tal-anzjani (acute geriatric care) u ċentru ta’ riabilitazzjoni;

● jibni kulleġġ mediku biex jakkomoda l-kulleġġ ta’ Barts;

● jippromovi turiżmu mediku fil-qasam tal-kardjoloġija (qalb), tal-ortopedija (għadam) u tal-ġerjatrija (anzjani) b’kapaċità ta’ 150 sodda;

● iwaqqaf u jimmaniġġja l-Gozo Medical Complex.

Dan l-MOU ġie ffirmat mal-Gvern qabel Frar 2015 (jiġifieri qabel ma ħarġet is-sejħa) bla ma kien jaf ħadd. Il-VGH saħansitra lestew pubblikazzjoni biex permezz tagħha jippruvaw jattiraw il-kapital għall-investiment tagħhom (Crossrange Holdings Gozo and Malta Medical Complex) li hu datat Frar tal-2015. Dan il-ktieb hu ttimbrat strictly private and confidential, u f’paġna 8 nsibu l-kundizzjonijiet li għadni kif semmejt. F’paġna 9 u 10 mbagħad insibu aktar dettalji dwar l-isptarjiet f’Malta San Luqa u Karen Grech.

Proċess ivvizzjat mill-bidu sal-aħħar

Dan kollu ma jħallix dubju li dan kien proċess ivvizzjat mill-bidu sal-aħħar, u jikser u jmur kontra l-prinċipji kollha tax-xiri pubbliku, fosthom it-trasparenza, it-trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi, u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Mhux talli hekk, imma talli dan hu saħansitra proċess li daħaq bik u bil-Parlament. Proċess li jgħidlek mod meta fil-fatt sar ieħor. Proċess taparsi pubbliku li jostor proċess ieħor li sar kollu kemm hu fil-moħbi u li bl-ebda mod mhu fl-interess tal-pajjiż.

Biex naraw aktar dwar dan il-qerq, f’paġna 10 tal-pubblikazzjoni ta’ VGH insibu li l-Gvern hu marbut li jgħaddi lill-VGH is-siti u l-bini li preżentament huma okkupati mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, San Luqa u Karen Grech għal perjodu minimu ta’ 99 sena. Mill-banda l-oħra, skont stqarrijiet ripetuti tal- Ministru Fearne fil-Parlament, il-ftehim mal- VGH huwa għal 30 sena.

Min hu l-giddieb f’dan kollu?

Min hu l-giddieb f’dan kollu? Il-Ministri ta’ Joseph Muscat jew il-VGH? U jekk VGH huma il-giddieba, x’kelma għandhom dawn in-nies biex fuqha Jospeh Muscat jibni l-futur tas-servizzi tas-saħħa f’Għawdex u setturi oħra f’dan il-qasam vitali?

Dan hu ftehim qarrieqi, inġust u legalment null għax inħema qabel ma ħarġet is-sejħa għal espressjoni ta’ interess. Dan hu ftehim mimli gideb u ħabi minnek u saħansitra mill-Parlament.

Dan hu proċess ta’ xiri pubbliku vvizzjat u li jikser kull regolament marbut max-xiri pubbliku li suppost jiggarantixxi l-Gvern l-aħjar kwalità bl-aħjar offerta ekonomika possibbli. Dan hu t-tip ta’ ftehim li qed jagħmel Joseph Muscat fl-aqwa żmien għal Malta.