L-attakkanti Neymar u Karim Benzema ġew esklużi mit-timijiet nazzjonali tagħhom li se jilagħbu partiti ta’ ħbiberija matul ix-xahar li ġej.
Il-Brażil se jilgħab kontra l-Arġentina u l-Awstralja u Neymar flimkien ma’ diversi plejers titulari oħra bħal ma huma Roberto Firmino, Marquinhos, Miranda, Marcelo u Dani Alves kollha ġew esklużi.
Il-kowċ nazzjonali tal-Brażil Tite qal li għamel dan biex iserraħ lil dawn il-plejers li se jkunu ġejjin minn staġun twil.
Ta’ min jinnota li Neymar ilu sa mill-Copa America tal-2011 jilgħab f’kull turnament internazzjonali li kien hemm matul is-sajf. Minflokhom Tite sejjaħ lil Jemerson, Rodriguinho u Taison.
Il-Brażil se jilgħab kontra l-Arġentina fid-9 ta’ Ġunju u kontra l-Awstralja erbat ijiem wara.
Fuq in-naħa l-oħra, l-kowċ nazzjonali ta’ Franza Didier Deschamps ħalla barra lil Benzema, anke jekk dan kien strumentali għal Real Madrid matul dan l-istaġun hekk kif dawn jinsabu b’ċans li jirbħu l-kampjonat u ċ-Champions League.
Benzema kien oriġinarjament eskluż minn ma’ Franza wara li kien akkużat li kien involut f’każ ta’ rikatt fil-konfront ta’ sieħbu stess Mathieu Valbuena u kien anke ma ħax sehem fl-Euro 2016 (meta Franza waslu sal-finali u tilfuha kontra l-Portugall).
Franza se tilgħab partiti ta’ ħbiberija kontra l-Paragwaj u l-Iżvezja.
//= $special ?>