L-aħħar rapporti mil-Libja qalu li l-ammont ta’ nies li nqatlu waqt attakk, nhar il-Ħamis, fuq bażi tal-ajru qabżu sew il-140 – kuntrarju għas-60 irrappurtati inizjalment.
Il-vittmi, fosthom ċivili, irriżultaw minn azzjoni ta’ milizzja alleata mal-Gvern Libjan li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti u li ppruvat taħtaf kontroll tal-bażi ta’ Brak al-Shati. Il-Ministru tad-Difiża ta’ dan il-Gvern jinsab sospiż fost investigazzjoni pendenti, waqt li spiċċa sospiż ukoll il-Kap tal-milizzja responsabbli mill-azzjoni.
Ingħad, qabel, li l-milizzja alleata mal-Gvern ‘illiberat il-bażi u qerdet lill-qawwiet avversarji li kienu fl-inħawi’ – b’numru ta’ ajruplani jingħataw in-nar. Ħafna mill-mejtin jidhru li kienu suldati tal-Armata Nazzjonali Libjana li hi alleanza bbażata fil-Lvant tal-Libja u li ma tirrikonoxxix il-Gvern appoġġjat min-NU, li għandu s-sede fi Tripli .
L-Armata Nazzjonali Libjana kienet ilha tikkontrolla l-bażi tal-ajru inkwistjoni minn Diċembru u qed ikun allegat li, fil-ħin tal-attakk, ‘ħafna mis-suldati tagħha ma kenux armati u spiċċaw massakrati’. Ir-Rappreżentant tan-NU għal-Libja, Martin Kobler, qal li kien ‘irrabjat ferm’ dwar ir-rapporti li jirrigwardaw ‘esekuzzjonijiet ta’ nies fil-bażi’.
L-attakk, intant, kiser il-ftehim informali għal waqfien mill-ġlied li sar effettiv, jiem ilu, wara li l-Ġeneral Khalifa Haftar, li jmexxi l-Armata Nazzjonali Libjana, kien iltaqa’ mal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, li hu rikonoxxut min-NU.
Sadanittant, il-Gvern Libjan fi Tripli waqqaf kumitat investigattiv biex jippreżenta r-riżultati tal-analiżi dwar il-massakru lill-Prim Ministru, fi żmien ħmistax il-jum.
//= $special ?>

