Il-Qorti Suprema tal-Brażil ħarġet xhieda li ssostni li l-President tal-Brażil, Michel Temer, ħa miljuni ta’ dollari f’tixħim mill-2010 sallum.
Ix-xhieda ngħatat mill-kapijiet ta’ entità ewlenija li tippakkja l-prodotti tal-laħam li huma implikati fil-korruzzjoni u li qed jittamaw li jingħataw piena anqas ħarxa talli jikkooperaw mal-ġustizzja.
F’każ ta’ konferma, l-akkużi għandhom ikunu devastanti għall-amministrazzjoni ta’ Temer li tinsab mifnija bi kriżi u meta l-President tal-Brażil għadu qed jinsisti li hu innoċenti mill-akkużi.
Temer diġà qed jiffaċċja allegazzjonijiet li awtorizza t-tixħim biex jixtri s-silenzju ta’ xhud waqt skandlu kbir tal-korruzzjoni. Madankollu, il-President, waqt diskors lin-nazzjon, ħalef li se jkompli fit-tmexxija ta’ pajjiżu.
Sadanittant, Joesley Batista, iċ-chairman tal-kumpannija JBS, allega li Temer, f’dawn l-aħħar seba’ snin, kien tħallas l-ekwivalenti ta’ aktar minn $2.5 miljuni għall-kampanja elettorali u għal pagamenti lill-alleati politiċi tiegħu. Direttur ieħor tal-kumpannija qal li, fl-2014, l-ekwivalenti ta’ $4.6 miljuni tqassmu lill-alleati ta’ Temer, fejn kienu preżentati bħala donazzjonijiet uffiċjali għall-kampanja elettorali.
Ix-xhieda tkompli li l-eks Presidenti Soċjalisti tal-Brazil, Luis Inacio Lula da Silva u Dilma Rousseff irċevew, rispettivament, $50 miljuni u $30 miljuni biex jiffinanzjaw il-kampanji politiċi. Kemm Lula kif ukoll Rousseff qed jiċħdu dawn l-akkużi.
F’każ ieħor separat, il-Prosekutur Ġenerali Brażiljan, Rodrigo Janot żvela li Temer kien fost il-politiċi li ostakolaw l-investigazzjonijiet dwar il-korruzzjoni. Sena ilu, Temer assuma l-Presidenza tal-Brażil wara l-impeachment ta’ Dilma Rousseff u, illum, qed jiżdiedu dejjem aktar is-sejħiet biex hu jirriżenja ‘talli spiċċa mċappas bil-korruzzjoni’.
Ftit tal-jiem ilu l-awtoritajiet Brażiljani ħarġu rekording fejn Temer jidher li qed jiddiskuti aspetti ta’ tixħim waqt taħdita ma’ Joesley Batista. Il-President Temer qal li l-filmat kien awtentiku iżda ċaħad li hu għamel xi ħaġa ħażina.
Il-President tal-Brażil kien qed ibati diġà minn nuqqas ta’ popolarità qabel l-aħħar żviluppi skandalużi, bil-partiti fl-Oppożizzjoni qed jinsistu għal elezzjonijiet bikrija u għall-impeachment ta’ Temer.
Din hi l-ewwel darba li Temer spiċċa involut fl-investigazzjoni mlaqqma Operation Car Wash li bdiet f’Marzu tal-2014 u li qed tikkonċentra fuq kumpanniji li kienu offruti ftehim mal-kumpannija taż-żejt tal-Istat Petrobras, bi skambju ma’ tixħim. Dan meta l-flus mit-tixħim kienu spiċċaw fil-bwiet tal-politiċi inkella bħala parti minn slush funds ta’ partiti politiċi.
Il-politika Brażiljana tinsab mgħarrqa f’dan is-skandlu, b’terz tal-membri tal-Kabinett ta’ Temer jinsabu taħt investigazzjoni għal allegata korruzzjoni. Intant, qed ikun allegat li Temer awtorizza pagamenti illegali lill-politiku, Eduardo Cunha, li, din is-sena, weħel il-ħabs għal korruzzjoni, ħasil ta’ flus u evażjoni tat-taxxa.
//= $special ?>

