Internazzjonali

Impenji għal Trump fl-Arabja Sawdija fost il-problemi domestiċi

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump,  wasal l-Arabja Sawdija għall-ewwel żjara barra pajjiżu kemm ilu li ħa f’idejh il-Presidenza.

Hu, intant, se jiffirma ftehim bilaterali ekwivalenti għall-multi-biljuni ta’ dollari mal-awtoritajiet f’Riyadh; meta l-programm ta’ Trump, ‘il quddiem, jinkludi wkoll waqfiet f’Iżrael, it-territorji Palestinjani; Brussell, il-Belt tal-Vatikan u Sqallija.

Il-President Trump u martu Melania intlaqgħu f’Riyadh mir-Re Salman tal-Arabja Sawdija, bil-Mexxej Amerikan, għada, se jattendi l-Arab Islamic American Summit li jsir fil-kapitali Sawdi u fejn għandu jitkellem dwar ‘it-tamiet tiegħu għal viżjoni paċifika tal-Iżlam’.

L-aġenda tas-summit mistennija tikkonċentra fuq l-impenn għall-kumbattimenti kontra l-militanti Iżlamiċi u l-influwenza reġjonali tal-Iran li dejjem, kulma jmur, qed tiżdied.

Intant, il-mawra ta’ Trump fis-Sawdi għaddejja fi żmien ta’ kontroversja qawwija fl-Istati Uniti wara li hu keċċa lid-Direttur tal-FBI , James Comey. Fl-istess ħin, Donald Trump qed jikkritika d-deċiżjoni għall-ħatra ta’ Robert Mueller, eks Kap tal-FBI, biex imexxi investigazzjoni dwar l-allegat indħil tar-Russja fl-aħħar elezzjoni għall-Presidenza Amerikana.