Elezzjoni 2017 Lokali

“Inkomplu nibnu fuq id-drittijiet miksuba bl-ewwel pass ikun iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess” – Simon Busuttil

  • Il-blog ta’ Glenn Bedingfield juri li taħt il-faċċata, hemm kultura omofobika fil-Partit Laburista

Gvern Nazzjonalista ikompli jibni fuq id-drittijiet miksuba, bl-ewwel pass naturali li jmiss hu ż-żwieġ bejn il-persuni tal-istess sess. Waqt sessjoni ta’ dibattitu u misoqsijiet mill-udjenza mal-komunita’ LGBTIQ, il-Kap tal-PN Simon Busuttil stqarr li l-PN kaxkar saqajh f’dan il-qasam iżda bit-tmexxija tiegħu, il-PN lest li jmexxi għall-pass li jmiss. Hu qal li l-PN ilu lest mis-sena li għaddiet meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama. Dakinhar, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li wasal iż-żmien għal diskussjoni dwar żwieġ bejn persuni gay u Simon Busuttil kien wieġeb f’temp ta’ siegħa li hemm qbil u li tista’ ssir il-liġi immedjatament.

Fl-istess waqt, Simon Busuttil qal li l-Partit Laburista’ uża xi ftit din il-komunita’ għall-gwadann politiku. Hu fakkar fil-blogger Glenn Bedingfield fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li għamel rimarki omofoboċi. Il-Kap tal-PN fakkar ukoll lill-Ministru Helena Dalli li qabel tipponta subajgħha lejn il-PN, tiftakar li għandha lil Ronnie Pellegrini bħala Chief of Staff tagħha. Dawn juru li l-kultura taħt il-faċċata kienet waħda omofobika.

Preżenti fid-dibattitu kien hemm ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat, li iżda telaq wara ftit ħin u postu ttieħed minn Helena Dalli, il-kandidat tal-Partit Demokratiku u Forza Nazzjonali Godfrey Farrugia u l-kandidat tal-Alternattiva Demokratika Ralph Cassar.

Il-mistoqsijiet iffukaw fuq issues li jolqtu mill-qrib il-komunita’ LGBTIQ, b’mod partikolari mill-lat ta’ servizzi tas-saħħa, fosthom aċċess għas-sistema tas-saħħa pubblika għat-trattament tal-hormones u operazzjonijiet ta’ gender reasssignment. Simon Busuttil u Godfrey Farrugia qalu li l-PN u l-PD jemmnu bl-ugwaljanza sħiħa fil-qasam tas-saħħa, li għandha tkun aċċessibbli u bla ħlas għal kulħadd.

Dwar il-qasam edukattiv, Simon Busuttil qal li jaqbel li jkun hemm dħul galbat fil-kurrikulu għal issues ta’ sensitivita’ għall-komunita’ sabiex ma jinħolqux reżistenzi.

Dwar tibdil fl-Embryo Protection Act, il-Kap tal-PN fakkar li din il-liġi kienet approvata b’mod unanimu fl-2012. Hu qal li l-PN miftuħ għal xi tibdil propost u li jintlaħaq qbil b’kunsens ma’ kulħadd.

Mistoqsija oħra kienet dwar issues oħra li jmorru lil hinn mill-interessi tal-komunita’ LGBTIQ, fosthom tal-Governanza tajba u l-ambjent.

Simon Busuttil qal li l-persuni m’humiex biss parti mill-komunita’ iżda huma wkoll ċittadini ta’ Malta u li jinteressaw ruħhom fis-sitwazzjoni ġenerali. Hu qal li bħalissa ninsabu f’sitwazzjoni li l-Prim Ministru seta evita kieku aġixxa sena ilu u keċċa lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Minħabba f’hekk, ma nistgħux niddefendu  lilna nfusna sew fl-attakk li għaddej fuq pajjiżna bħalissa fil-Malta Files.