Ilbieraħ, biż-żewġ deċiżjonijiet tagħha, l-Awtorità tax-Xandir ikkonfermat li l-poplu Malti u Għawdxi ma jistax jafda lill-istazzjon nazzjonali biex ikun infurmat bil-verità, u bil-fatti kollha, inkluż waqt il-kampanja elettorali. Dan qalu l-Kelliem għax-Xandir, il-Komunikazzjoni u d-Djalogu Soċjali Clyde Puli waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċini tal-PBS, u li kienet indirizzata wkoll mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Alex Mangion u Simone Aquilina.
Clyde Puli spjega ż-żewġ deċiżjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir, u li minbarra li taw raġun lill-Partit Nazzjonalista, kkonfermaw dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista dwar l-istazzjon nazzjonali: li jsir eżerċizzju ta’ gatekeeping u li l-mod kif isiru l-aħbarijiet hu viċin ħafna tal-media tal-Partit Laburista. “Il-PBS instab ħati li għażel li ma jirrappurtax ix-xhieda tal-whistleblower tal-kumpanija Egrant, kif ukoll li kliem li ntqal mill-Prim Ministru ġie kkwotat f’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil,” qal Simon Busuttil.
Clyde Puli esprima d-diżappunt tiegħu għar-reazzjoni tiegħu minn naħa tal-PBS. “Flok ammissjoni tal-iżbalji li saru, l-PBS ħareġ stqarrija li fiha jiprova jiġġustifika li kull ma tilef, kienu żewġ ilmenti, u dan għaliex kemm ilha li bdiet il-kampanja elettorali, l-Partit Nazzjonalista ppreżenta total ta’ 6 ilmenti. Dan wara li l-istess Awtorità tax-Xandir kienet diġà widdbet lill-istazzjon nazzjonali dwar il-mod ta’ kif isir ir-rappurtaġġ, b’mod speċjali issa waqt kampanja elettorali.
Hu sostna li l-PBS kien ikollu biex jiftaħar kieku ma kellu ebda ilment u mhux qed jiftaħar li ġie ffaċċjat b’sitt ilmenti sa issa, u li għal tnejn minnhom, l-Awtorità tax-Xandir tat raġun lill-Partit Nazzjonalista.
Alex Mangion qal li dan mhux l-uniku mod ta’ kif qed ikun hemm żbilanċ fl-aħbarijiet tal-PBS. Hu spjega kif fl-aħħar ġranet, il-PBS baqa’ għaddej bil-kampanja sistematika tiegħu li jaġevola l-Partit Laburista, fost l-oħrajn billi jkun l-uniku stazzjon li jintgħażel biex jirrapporta coverages tal-Gvern u tal-Partit Laburista. Fost dawn, Alex Mangion semma żjara fil-Power Station minn Konrad Mizzi, proġett fi Strada Stretta u ftuħ ta’ Business Centre, waqt li oħrajn tħallew barra fi sforz ċar ta’ gatekeeping mill-PBS, bħall-każ tan-nomina tal-eks Whip tal-Partit Laburista mal-Partit Demokratiku.
Minn naħa tagħha, Simone Aquilina spjegat kif il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil se jkun qed jassigura imparzjalità fl-istazzjon nazzjonali u ma jibqax jiġi kkontrollat b’mod dirett minn Kastilja kif inhu bħalissa. Hi qalet li l-PBS hu l-istazzjon nazzjonali li għandu jassigura imparzjalità u bilanċ totali. Biex dan iseħħ, fit-3 ta’ Ġunju li ġej, il-poplu Malti u Għawdxi jagħżel Malta, temmet tgħid Simone Aquilina.
//= $special ?>