‘Simon Busuttil b’aktar provi lill-Maġistrat’ hu t-titlu tal-ġurnal In-Nazzjon tal-lum bl-artiklu jittratta d-dokumenti li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ippreżenta quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja b’rabta ma’ somom ta’ flus li Keith Schembri, Chief of Staff tal-Prim Ministru Muscat, għadda lil Adrian Hillman, eks-Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers.
Fil-faċċata tal-gazzetta tingħata importanza lill-proposti li ħabbar il-Partit Nazzjonalista lbieraħ dwar il-prijoritajiet ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista biex jikkonsolida l-ekonomija.
In-Nazzjon ukoll jelenka fid-dettall il-proposti mħabbra wkoll ilbieraħ dwar il-korpi dixxiplinati u l-inizjattivi kontra l-vjolenza fuq in-nisa.
Fil-paġni tal-opinjonijiet insibu l-kummentarju ta’ kull nhar ta’ Sibt miktub minn Victor Camilleri li llum jittratta l-koalizzjonijiet u surveys, u kif fis-saħħa f’Malta, fl-aħħar erba’ snin marret lura mhux ‘il quddiem. L-opinjoni ta’ Salvu Felice Pace tanalizza kif il-korruzzjoni ċċappas lilna lkoll. L-artiklu mis-sensiela li In-Nazzjon ippubblika din il-ġimgħa minn osservatur Għawdxi, jagħti ħarsa u jfisser kif il-ftehim dwar it-tliet sptarijiet pubbliċi li l-gvern ta’ Muscat biegħ, sar bil-moħbi mal-barranin b’sejħa finta għall-offerti.
Fil-paġni tal-aħbarijiet sportivi hemm informazzjoni u statistika interessanti b’rabta mal-finali tal-FA Trophy tal-lum bejn Floriana u Sliema.