Il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, rebaħ tieni mandat ta’ poter fl-elezzjoni għall-Presidenza ta’ pajjiżu. Hu irnexxielu jikseb 57 fil-mija tal-appoġġ fost aktar minn 40 miljun voti mitfugħin mill-Iranjani.
B’hekk ukoll, Rouhani — reliġjuż moderat li kien wassal għall-ftehim storiku mal-potenzi tad-dinja biex jillimita l-programm nukleari tal-Iran – se jevita tieni round deċiżiv tal-proċess li kien ikun il-każ li kieku ma kisibx maġġoranza assoluta tal-voti.
Sadanittant, l-akbar rivali ta’ Rouhani f’din l-elezzjoni lmenta dwar irregolaritajiet fil-vot. Ebrahim Raisi, reliġjuż konservattiv, akkuża lis-sostenituri tal-President Iranjan dwar ‘azzjonijiet ta’ propaganda bla rażan’ fil-postijiet tal-votazzjoni meta dawn l-azzjonijiet huma projbiti taħt il-liġi elettorali.
Jidher li Raisi kiseb biss madwar 39 fil-mija tal-vot u dan żgur li ma kienx biżżejjed biex hu jaċċerta tieni round elettorali.
Il-ħin tal-votazzjoni fl-Iran, nhar il-Ġimgħa, kien estiż b’ħames sigħat fost konkorrenza għolja ta’ votanti (madwar is-70 fil-mija) li ma kenitx mistennija qabel.
//= $special ?>

