Internazzjonali

It-terrur f’Pariġi: Akkużat dwar ‘il-konnessjoni ma’ arma’

epa05032629 Local police officers patrol near the Duomo in Milan, Italy, 19 November 2015. Security has been beefed up in Milan following the 13 November Paris attacks and an FBI security alert. Authorities in Italy had received information about five suspected terrorists who might have been planning attacks on famous Italian landmarks, news reports said. EPA/MOURAD BALTI TOUATI

Il-Pulizija fi Franza akkużaw raġel b’reati konnessi mat-terroriżmu wara li, ix-xahar li għadda, instabulu traċċi tad-DNA  fuq arma tan-nar li intużat għall-qtil ta’ uffiċjal tas-sigurtà f’Pariġi.

L-akkużat, ta’ 23 sena, ma kienx magħruf qabel mal-pulizija u l-investigaturi. Skont l-awtoritajiet, huwa l-ewwel persuna li tressqulha akkużi relatati mal-isparatura inkwistjoni li kienet seħħet fil-viċinanzi ta’ Champs Elysees.

Il-qattiel tal-pulizija, Karim Cheurfi, kien spiċċa maqtul ukoll ftit wara dik l-azzjoni terroristika – u wara li hu laħaq iferi lil żewġ pulizija oħra, kif ukoll lil turist Ġermaniż. Qrib il-katavru ta’ Cheurfi kienet instabet nota b’messaġġ ta’ tifħir għall-grupp terroristiku ISIS.

Intant, is-suspettat li kien arrestat xi sigħat ilu fir-reġjun ta’ Pariġi qed ikun akkużat b’konnessjoni ma’ kumplott terroristiku u dwar l-użu ta’ arma relatata mat-terrur. Ingħad li d-DNA tal-imputat instabet fuq iċ-ċipp tal-azzarin Kalashnikov li kien intuża fl-attakk partikulari qrib Champs Elysees.

Dan ir-raġel, li qed jinżamm mill-pulizija, intant, insista mal-investigaturi li ma kienx jaf lil Karim Cheurfi.