Futbol Sport

Victor Sciriha jikkunsidra li ma jibqax involut fil-futbol Malti

Victor Sciriha

Victor Sciriha, il-President ta’ Valletta FC, qed jikkunsidra serjament li ma jibqax involute fil-futbol Malti. Hu qal dan ftit tal-jiem ilu waqt intervista li ta lill-istazzjon Nazzjonali Malti.

Fl-aħħar snin issemma’ kemm-il darba kien hem spekulazzjonijiet li hu kien se jirriżenja minn President ta’ Valletta imma eventwalment dejjem baqa’ jokkupa l-kariga.

Madankollu t-ton li tkellem bih din id-darba deher ħafna aktar deċiż mill-passat.
“Għajjejt u ddejjaqt. Il-futbol Malti jinsab staġnat u kollox qisu wieqaf u ma jridx jiċċaqlaq. Ninsab deluż ħafna wkoll b’dak li ġara f’dan l-istaġun. Kieku rbaħna l-aħħar erba’ partiti kontra avversarji inferjuri konna nirbħu l-kampjonat. Minflok, meta bdejna tilgħin ‘il fuq, ħadna tisbita l’isfel,” qal Sciriha.

Fl-istaġun li ġej il-Beltin se jikkompetu fl-Europa League wara li B’Kara ġew imċaħħda milli jagħmlu dan minħabba żball tekniku li ma nħafirx minn naħa tal-MFA.

“Din is-sena mhux talli ma rbaħnix il-kampjonat iżda kieku Birkirkara m’għamlux dak l-iżball ġenwin u ġew penalizzati, lanqas biss konna nipparteċipaw fl-Ewropa. Minix lest nibqa’ nonfoq flejjes biex narma tim b’saħħtu, imbagħad nieħu lura dan kollu. Bil-flus li nfaqt fil-klabb Belti, kont narma tim b’saħħtu biżżejjed għas-Serie B, fl-Italja,” qal Sciriha.

Il-President ta’ Valletta jesprimi dwejjaq għal mod ta’ kif qed jitmexxa l-futbol Malti u jgħid li qatt daqs illum ma kien hawn daqshekk telqa u arja tqila. Ilni 19-il sena fil-futbol Malti u naħseb wasal iż-żmien li nżarma u nistrieħ.”

Fl-aħħar kumment li ta Sciriha tkellem anke dwar il-futur tal-kowċ ta’ Valletta Paul Zammit u qal, “Zammit fadallu sena kuntratt. Nimmaġina li mweġġa’ bħali minħabba dak li ġara. Wisq probabbli, dan kien l-aħħar staġun tiegħi fil-futbol Malti u naħseb li jekk nitlaq jien, jitlaq hu wkoll. Jekk jiddeċiedi jibqa’, imbagħad ikun f’idejn min jiġi warajja biex jitkellem miegħu u jilħqu ftehim.”