#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

Bank internazzjonali ‘Swedbank’ jibda jikkunsidra lil Malta bħala ‘high risk’

Skont bank internazzjonali ‘Swedbank AB’, Malta huwa pajjiż ‘high risk’ għal min ikun irid jiftaħ kont bankarju miegħu. Żvelat dan il-gazzetta The Malta Independent on Sunday li ppubblikat il-kontenut ta’ e-mail li rċieva klijent li ried jiftaħ kont bankarju għal kumpanija reġistrata f’Malta.

“Sfortunatament Swedbank iddeċieda li ma jiftaħx kont bankarju għall-kumpanija, minħabba l-fatt li Malta hija kkategorizzata bħala pajjiż ta’ riskju għoli” taqra din l-email.

Mhux talli hekk, iżda talli kontijiet bankarji għal kumpaniji Maltin jinfetħu biss jekk dawn il-kumpaniji jissuplixxu informazzjoni addizzjonali, fosthom kemm mistennija jdaħħlu flus… u dan kollu minħabba l-fatt li Malta hija kkunsidrata bħala ‘high risk’.

The Malta Independent tirrapporta wkoll li deċiżjonijiet dwar jekk jinfetħux kontijiet bankarji għal klijenti Maltin tittieħed biss minn kumitat speċjali fi ħdan dan il-bank. Swedbank AB huwa bank internazzjonali b’9.5 miljun klijent, apparti aktar minn 620,000 klijenti oħra kummerċjali.

Din hija t-tieni aħbar ħażina dwar l-impatt tas-sitwazzjoni politika fuq Malta. Aktar kmieni, The Malta Independent irrappurtat li l-bank Ġermaniż Commerzbank ma kienx qed jaċċetta dokumenti mingħand accountants Maltin.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ jinsisti li mhux tort tiegħu li Malta ħadet daqqa ta’ ħarta fir-reputazzjoni internazzjonali, anke jekk ilu aktar minn sena jiddefendi l-iskandlu tal-Panama u l-korruzzjoni mill-klikka korrotta ta’ Kastilja.