Futbol Sport

Chelsea jiċċelebraw ir-rebħ tal-Premier League b’rebħa kbira fuq Sunderland

Il-captain ta' Chelsea John Terry jgħolli t-trofew ta' champions

Iċ-Champions il-ġodda Chelsea temmew il-kampjonat b’rebħa wara li għelbu lil Sunderland 5-1 fi Stamford Bridge. Ironikament kienu Sunderland li marru minn fuq wara tliet minuti b’gowl mill-viċin ta’ JAVIER MANQUILLO. Reazzjoni immedjata minn Chelsea li ħames minuti wara ġabu d-draw b’konklużjoni b’saħħitha ta’ Willian.

Chelsea marru fil-vantaġġ mas-siegħa logħob b’azzjoni tipika ta’ EDEN HAZARD, biex PEDRO RODRIGUEZ għalaq il-logħba fis-77 minuta wara li skorja mill-viċin. Glorja wkoll għal MITCHY BASTHUAYI li fl-aħħar tliet minuti skorja doppjetta bl-aħħar wieħed jasal wara azzjoni personali.

Tottenham għalqu kampjonat brillanti b’rebħa kbira ta’ 7-1 fuq Hull. HARRY KANE fetaħ l-iskor wara 10 minuti b’xutt fil-baxx, biex l-istess plejer irdoppja mill-viċin żewġ minuti wara, minn kross ta’ Trippier. DELE ALLI għamilhom tlieta eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima.

SAM CLUCAS naqqas id-distakk fis-66 minuta, iżda Tottenham żiedu fir-ritmu u tliet minuti wara għamluhom 4-1 minn VICTOR WANYAMA. HARRY KANE għaqqad it-tripletta personali fit-72 minuta b’xutt fil-baxx, biex BEN DAVIES għamilhom 6-1 fl-84 minuta b’xutt b’saħħtu. Kien għad fadal ħin għal gowl ieħor meta TOBY ALDERWEIRELD skorja s-seba’ gowls tliet minuti mit-tmiem.

Manchester City u Liverpool assiguraw posthom fil-UEFA Champions League staġun ieħor. Manchester City għelbu lil Watford 5-0 f’Vicarage Road. VINCENT KOMPANY fetaħ l-iskor wara ħames minuti b’daqqa ta’ ras għar-rokna wara azzjoni ta’ korner, biex SERGIO AGUERO għamilhom 2-0 fit-22 minuta b’konklużjoni fil-baxx. AGUERO għaqqad id-doppjetta personali fis-36 minuta wara li skorja f’lasta vojta meta rċieva passaġġ ta’ Sane. Aktar gowls komplew ġejjin għal City fil-41 minuta minn FERNANDINHO, biex GABRIEL JESUS għamilhom 5-0 fit-58 minuta wara li qabbeż fuq il-gowlkiper avversarju.

Liverpool għelbu lil Middlesbrough 3-0 f’Anfield. Huma fetħu l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt b’saħħtu ta’ GEORGINIO WIJNALDUM. L-iskor sar 2-0 fit-52 minuta bi free-kick ta’ PHILIPPE COUTINHO, biex it-tim ta’ Klopp għamilhom 3-0 ħames minuti wara kien ADAM LALLANA li għalaq il-logħba b’xutt għar-rokna.

Arsenal kellhom jikkuntentaw bil-ħames post, biex għall-ewwel darba taħt it-tmexxija ta’ Arsene Wenger, mhux se jilagħbu fiċ-Champions League. Huma għelbu lil Everton 3-1 fl-Emirates Stadium. HECTOR BELLERIN fetaħ l-iskor fit-tmien minuta, biex minkejja li spiċċaw jilagħbu b’għaxar plejers, Arsenal irduppjaw fis-27 minuta b’gowl tas-solitu ALEXIS SANCHEZ. Everton reġgħu daħlu fil-logħba fit-58 minuta minn penalty ta’ ROMELU LUKAKU, iżda Arsenal għalqu l-logħba fid-90 minuta b’xutt minn tarf il-kaxxa.

Manchester United preparaw tajjeb għall-finali tal-Europa League, b’rebħa f’Old Trafford kontra Crystal Palace. United fetħu l-iskor wara kwarta logħba b’azzjoni personali taż-żagħżugħ JOSH HARROP li skorja fid-debutt. Erba’ minuti wara, PAUL POGBA rdoppja l-iskor b’xutt fil-baxx wara xogħol tajjeb ta’ Lingard.

Leicester u Bournemouth spiċċaw 1-1 fil-King Power Stadium. Bournemouth marru minn fuq wara biss minuta meta minn azzjoni tajba, kien JUNIOR STANISLAS li skorja b’xutt fil-baxx. Leicester ġabu d-draw fil-51 minuta b’gowl mill-viċin ta’ Jamie Vardy wara daqqa ta’ ras ta’ Slimani

West Ham temmew il-kampjonat b’rebħa ta’ 2-1 fuq Burnley. SAM VOKES fetaħ l-iskor għal Burnley fit-23 minuta wara li tħalla żmarkat fil-kaxxa. SOFIANE FEGHOULI ġab id-draw erba’ minuti wara b’konklużjoni għar-rokna, biex skorja l-gowl tar-rebħa fit-72 minuta wara li xutt ta’ Fernandes ħabat mal-mimduda.

Swansea wettqu rimonta tajba biex rebħu f’darhom kontra West Bromwich Albion 2-1. Kienu West Brom li fetħu l-iskor fit-33 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ JONNY EVANS minn azzjoni ta’ korner. JORDAN AYEW ġab id-draw fit-72 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin minn free-kick, biex FERNANDO LLORENTE skorja l-gowl tar-rebħa ħames minuti mit-tmiem, b’xutt mill-ewwel wara kross mil-lemin.

Stoke għalqu l-kampjonat b’rebħa ta’ 1-0 kontra Southampton fis-St. Mary Stadium. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal mas-siegħa logħob b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ PETER CROUCH wara kross mil-lemin.