Dan hu l-mument tas-sewwa. Il-mewġa tas-sewwa qed tikber imma fadal ħafna x’isir. Il-poplu jiġi konvint bir-raġuni u l-persważjoni. Pajjiżna jinsab fi kriżi. Hemm deċiżjoni waħda x’tittieħed. Hu l-mument li tirbaħ il-Forza Nazzjonali. L-uniku mod kif jitwarrbu Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri mill-poter hu permezz tal-vot lill-Forza Nazzjonali.
B’din id-dikjarazzjoni għalaq id-diskors Michael Briguglio, eks-Chairman tal-Alternattiva Demokratika, meta waranofsinhar indirizza l-mass meeting organizzat mill-Forza Nazzjonali, f’Ħaż-Żabbar, fil-prezenza tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Hekk kif iddikjara wkoll li “Jien irrid ngħix f’pajjiż normali u għalhekk “Jiena nagħżel Malta”, Michael Briguglio qal li jinsab komdu ħafna ma’ nies ta’ rieda tajba u n-nies tal-Forza Nazzjonali.
F’din il-kampanja elettorali sab ruħu li bilfors irid jitkellem. Ma setax jibqa’ ċass quddiem il-qassata li ġab Joseph Muscat. Se jivvota lill-Forza Nazzjonali kif se jagħmlu ħafna u ħafna oħrajn minn kull twemmin politiku. Dan se jsir għaliex dan hu l-uniku mod kif jitneħħa l-gang tal-Panama. Nagħżlu lil Malta għaliex irridu pajjiż normali mhux pajjiż korrott.
Michael Briguglio qal li għandu fiduċja kbira f’Simon Busuttil u bħal ħafna oħrajn jixtieq jarah Prim Ministru. Iltaqa’ ma’ Simon diversi drabi u ddeskrivih bħala bniedem li impressjonah ħafna. Simon Busuttil hu mexxej li jisma’ lill-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Hu wkoll mexxej determinat u b’kuxjenza soċjali. Qed iressaq proposti li verament jixirqu lil pajjiżna. Simon Busuttil hu bniedem ġentili, integru u onest. Mhux bniedem li jagħmel il-maqlub ta’ dak li jgħid.
Simon Busuttil hu l-bniedem li jista’ jġib ir-rispett li l-pajjiż qed jitlef. Joseph Muscat jaf biss jisfida għaliex jibża’, tant li lanqas għamel ħames snin fil-gvern. Kellu jsejjaħ elezzjoni kmieni biex isalva ġildu, dik ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Joseph Muscat beża’ jmur quddiem il-Parlament Ewropew. Għall-mistoqsija min hu l-Prim Ministru, Michael Briguglio qal li hu jwieġeb Keith Schembri. Imma l-poplu ma għażilx lil Keith Schembri biex imexxi.
Għall-argument li jingħad li Keith Schembri qed iġib ħafna flus għall-pajjiż, Michael Briguglio wieġeb li min hu onest ma jibżax jgħid minn fejn ikun ġab flus. Malta mhix lesta taċċetta fus maħmuġin. Il-lealtà tal-poplu hi lejn Malta mhux lejn il-flus.
Michael Briguglio qal li pajjiżna qed jitlef ir-rispett li bena wara ħafna snin. Issa isem Malta jinsab fuq fomm kulħadd imma għal raġunijiet ħżiena. L-istituzzjonijiet ewlenin kollha qed jibżgħu mill-Gvern ta’ Joseph Muscat u minn Keith Schembri.
Issa anke banek barranin qe jitilqu minn pajjiżna. Setturi importanti qed jintilfu u se jintilfu ħafna impjiegi. Dan kollu għaliex Joseph Muscat Prim Ministru jibża’ miċ-Chief of Staff tiegħu.
//= $special ?>