Il-militar tal-Korea t’Isfel qalet li l-Korea ta’ Fuq komunista wettqet prova oħra ta’ missila għal fuq id-distanzi medji. Il-kelliema f’Seoul spjegaw li din il-prova saret fl-inħawi ta’ Pukchang, anki waqt li l-istampa tal-Korea komunista qalet li ‘se jkomplu l-provi għall-armamenti li kapaċi jolqtu lill-Istati Uniti’.
Intant, l-Istati Uniti sostniet li l-missila suġġetta għall-aħħar prova ‘kellha anqas kapaċità’ mill-missili involuti fit-tliet provi preċedenti mir-reġim fi Pyongyang.
L-aħħar prova, fil-fatt, saret ġimgħa wara r-rapporti li l-Korea komunista testjat tip ġdid ta’ rokit li jingħad li seta’ jġorr warhead kbir nukleari.
Intant, ir-reġim tal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, qed ikompli jisfida lin-Nazzjonijiet Uniti li assolutament ma tippermettix dawn il-provi min-naħa ta’ Pyongyang. Fil-fatt, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, ftit tal-jiem ilu, insista biex il-Korea ta’ Fuq tieqaf minnufih minn dawn it-testijiet.
Filwaqt li l-komunità internazzjonali qed tħeġġeġ biex il-Korea komunista tieħu azzjoni konkreta lejn id-denuklearizzazzjoni, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea t’Isfel ikkundanna l-aħħar prova missilistika bħala ‘perikoluża u irresponsabbli’.
Il-missila inkwstjoni wasslet fuq distanza ta’ 560 kilometru, fid-direzzjoni tal-Baħar tal-Ġappun. Dan waqt li l-aġenziji tal-aħbarijiet Ġappuniżi qalu li l-missila, probabbilment, niżlet direttament għal ġol-ibħra ‘il hinn minn pajjiżhom.
//= $special ?>