L-aġenzija Maltija ta’ kontra l-frodi, l-FIAU, kienet sabet li hemm suspett raġjonevoli ta’ ħasil ta’ flus meta ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kien għaddha somom kbar ta’ flus lill-eks Direttur tat-Times Adrian Hillman, u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ilu sena jaf b’din il-konklużjoni, skont artiklu ppubblikat illum mill-gazzetta The Sunday Times of Malta.
The Times filfatt żvelat li s-sena li għaddiet, l-FIAU kienet sabet biżżejjed evidenza biex tikkonkludi li kien hemm suspett raġjonevoli ta’ ħasil ta’ flus u dħul minn kriminalità f’dan il-każ partikolari.
Iżda iktar minn hekk, il-Pulizija kienu jafu b’din il-konklużjoni, peress li l-FIAU hija obbligata li tgħaddi rapporti ta’ din ix-xorta lill-Pulizija. Imma minkejja dan, il-Pulizija m’għamlu xejn.
Dan huwa t-tieni każ ta’ ħasil ta’ flus bl-involviment ta’ Keith Schembri, fejn skont dak żvelat aktar kmieni din il-ġimgħa, Keith Schembri għadda €650,000 lil Adrian Hillman. L-ewwel każ ta’ ħasil ta’ flus huwa dwar €100,000 li Keith Schembri rċieva mingħand Brian Tonna, flus ġejjin minn commissions tal-bejgħ tal-passaporti.
Dwar it-tieni każ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ressaq tmien files b’dokumenti, evidenza u provi lill-Maġistrat Aaron Bugeja. Dan waqt li diġa għaddejjin żewġ inkjesti kriminali oħra: waħda dwar il-każ tal-ħasil ta’ flus minn Keith Schembri u Brian Tonna, u l-oħra dwar l-iskandlu ‘Egrant’.
X’inhu t-tieni każ ta’ ħasil ta’ flus?
Fit-tieni każ ta’ ħasil ta’ flus, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għadda aktar minn €650,000 f’kontijiet bankarji li l-eks Direttur tat-Times Adrian Hillman għandu f’ismu jew f’isem kumpanija li għandu fil-British Virgin Islands (bl-isem ‘Lester Holdings Group Limited’).
Skont dak żvelat minn The Times, ftit wara li daħlu dawn il-flus, l-istess somom kienu ġew investiti f’prodotti finanzjarji, fosthom bonds.
//= $special ?>