Internazzjonali

Il-Veneżwela: Aktar dimostrazzjonijiet kbar kontra l-Gvern

Il-Pulizija tal-Veneżwela sparaw il-gass tad-dmugħ f’Caracas biex iferrxu dimostranti li, mill-ġdid, kienu qed jipprotestaw kontra l-Gvern tal-President, Nicolas Maduro.

Id-dimostrazzjonijiet fil-kapitali kienu fost l-akbar li qatt dehru f’seba’ ġimgħat ta’ protesti, u meta Maduro qiegħed ikompli jisfida x-xewqa tal-poplu li qed jinsisti għal elezzjonijiet ġodda.

L-awtoritajiet Veneżolani, waqt il-protesti, għalqu talanqas għaxar stazzjonijiet tal-metro, bl-attivisti ta’ kontra Maduro jtellgħu l-barrikati biex jostakolaw triq prinċipali f’Caracas. Taqsimiet tal-Armata wkoll kienu fuq allert waqt l-eqqel tat-tensjoni.

Numru kbir ta’ dimostranti f’Caracas ġarrew tabelluni b’messaġġi li kienu jaqraw ‘Daqshekk għal dittatorjat fil-Veneżwela’. Dan waqt li spikkaw il-gruppi kbar ta’ żgħażagħ mgħammdin jew lebsin il-maskli tal-gass fost l-għexieren tad-dimostranti li jingħad li qabżu l-160,000 fil-kapitali. Intant, is-sostenituri tal-President Maduro organizzaw dimostrazzjoni għalihom f’parti oħra ta’ Caracas.

Mietu madwar 50 fil-protesti vjolenti li persistew tul il-Veneżwela mill-bidu ta’ April sallum. Filwaqt li qed iwettqu l-pressjoni fuq il-Gvern għal elezzjonijiet ġodda, id-dimostranti anti-Maduro qegħdin  iwaħħlu fil-President għall-inflazzjoni rampanti fil-pajjiż kif ukoll għal nuqqasijiet ta’ ikel u mediċina. Il-protesti qed isiru wkoll minħabba r-rati tal-kriminalità allarmanti li jidhru li ħadu spinta tul il-pajjiż.

Min-naħa tagħhom, il-President tal-Veneżwela u s-sostenituri tiegħu qed jakkużaw lill-moviment anti-Maduro b’li qed jippruvaw iwasslu għal kolp ta’ stat ‘huma u jqarrqu bis-slogans favur id-demokrazija’.