David Davis, il-Ministru Ingliż inkarigat mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, wissa li l-Gvern kien lest jirtira min-negozjati tal-Brexit jekk l-UE titlob il-pagament ta’ 100 biljun ewro bħala kont tat-tluq.
F’kummenti lil The Sunday Times ta’ Londra, Davis qal li n-negozjati kienu se jispiċċaw fi kriżi jekk l-UE tirrifjuta li tiddiskuti ftehim kummerċjali sakemm il-Gvern ta’ Londra ma ħallasx is-somma ta’ 100 biljun ewro. Somma tal-obbligi li kien ħa r-Renju Unit bħala membru tal-UE.
F’din is-somma hemm pagamenti għas-sussidji fil-qasam tal-bidja kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi li jistgħu jkomplu sa wara li r-Renju Unit ikun telaq mill-UE fl-2020.
Davis qal li anki s-somma ta’ biljun ewro kienet se titqies bħala somma kbira u qal li l-pajjiżi membri li qed jagħfsu għal dan il-ħlas ikun jaqblilhom ibidlu l-pożizzjoni tagħhom jekk iridu jaraw xi progress.
Davis ukoll warrab talba li saret biex kull ċittadin tal-UE li għex fir-Renju Unit jingħata d-drittijiet sħaħ biex igħixu, jaħdmu u jieħdu l-benefiċji soċjali fil-pajjiż. Davis żied li kien impossibb li li wieħed jagħmel dan.
It-taħditiet uffiċjali għall-Brexit se jibdew fid-19 ta’ Ġunju u jridu jkunu ntemmu f’sentejn.
//= $special ?>