Elezzjoni 2017 Għawdex

Joseph Muscat mingħajr pjan u viżjoni għal Għawdex – Kumitat Reġjonali Għawdex

Mill-arkivji
Il-Forza Nazzjonali għandha pjan u viżjoni konkreti għal Għawdex. Lesta biex taġixxi kemm-il darba tingħata l-mandat demokratiku tal-elettorat.

Il-Kumitat Reġjonali għal Għawdex qal li hu ċar daqs il-kristall li Joseph Muscat m’għandu l-ebda viżjoni għal Għawdex. Il-proposti li ppreżenta lbieraħ, jew irriċiklahom mill-ħolma falluta ta’ Malta Tagħna Lkoll jew huma fotokopja tal-proposti ppreżentati mill-Forza Nazzjonali li qegħdet quddiem il-pubbliku kollu l-impenn ċar tagħha għal Għawdex.

Il-kumitat kompla jgħid li l-preżentazzjoni tal-bieraħ tat lista ta’ wegħdiet falluti li ma ħallew l-ebda frott. Joseph Muscat ippreżenta 10 kisbiet, li 8 minnhom jew huma wegħdiet miksura jew proġetti li għadhom iridu jibdew. Iż-2 kisbiet l-oħra kienu proġetti ppjanati, iffinanzjati u kkummissjonati taħt amministrazzjoni nazzjonalista.

Fil-fatt, Joseph Muscat ma wettaqx proġett infrastrutturali wieħed li ippjana hu ġewwa Għawdex.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-istess Prim Ministru li fil-bidu ta’ din il-kampanja elettorali ftaħar bit-tkomplija ta’ 90% tal-ħolma falluta ta’ Malta Tagħna Lkoll. Fl-aħħar 4 snin Joseph Muscat lil Għawdex insieh għalkollox, waqt li iktar kien mehdi jiddefendi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri. Joseph Muscat dgħajjef lis-settur privat bit-tattiċi severi u kundizzjonijiet prekarji għall-impjegati, li issa qed iħossuhom ingannati. Differenti ftit milli tkun pro business u u ħabib tal-ħaddiema! Id-distakk ekonomiku bejn Għawdex u Malta kiber bi 3% u 600 ruħ iktar qed ikollhom jivvjaġġaw ta’ kuljum lejn Malta għax-xogħol tagħhom. Dan hu ċ-ċertifikat tal-proġett fallut ta’ Joseph Muscat għal Għawdex.

16 mill-proposti ppreżentati minn Joseph Muscat huma kopja eżatta tal-proposti ppreżentati mill-Forzja Nazzjonali fl-impenn tagħha b’risq Għawdex. Il-bqija huma proposti rriċiklati mill-2013 jew proposti li diġà kienu qed jitwettqu minn amministrazzjonijiet tal-passat. Ħaġa stramba, Muscat baqa’ ma qal xejn fuq il-proposta li nasserixxu l-pożizzjoni ta’ Għawdex bħala gżira-reġjun fil-Kostituzzjoni tagħna, u fuq il-governanza ta’ Għawdex ippreżenta sett ta’ proposti nofshom nejjin li mhuma sa jwasslu mkien. Il-Forzja Nazzjonali wriet impenn ċar. L-identità ta’ Għawdex se tingħata l-importanza mistħoqqa u iktar minn hekk l-Għawdxin se jibbenefikaw minn tmexxija ċara grazzi għal Kunsill Reġjonali. Meta ġie għall-wegħda falza ta’ iktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin, Muscat ikkopja l-proposta numru 22 mill-Impenn Tagħna għal Għawdex, dik li neżentaw mit-taxxa lin-negozji għall-ewwel tliet snin tagħhom f’Għawdex. Il-Forza Nazzjonali qed toffri ħafna iżjed minn hekk bi strateġija aqwa li toffri għajnuniet finanzjarji għal min irid iwaqqaf negozju f’Għawdex u garanziji bankarji, barra l-miżuri ġa eżistenti biex iħeġġu lill-ġenerazzjoni ż-żgħira tibda l-attività innovattiva tagħha, u qed tniedi l-Gozo Sustainble Jobs tax credit biex tgħin lill-industrija tas-servizzi tal-gaming u dawk finanzjarji.

L-inċentivi tat-taxxa għal ġenituri ta’ studenti li jistudjaw Malta huma meħuda kważi kelma b’kelma mill-Impenn Tagħna għal Għawdex – proposta 58. U l-lista tibqa’ sejra.

Il-proposti mressqa lbieraħ jindirizzaw ukoll numru żgħir ta’ setturi. Ma jipprovdu l-ebda miżuri għal setturi li għandhom bżonnijiet speċifiċi f’Għawdex, bħall-agrikultura, it-turiżmu, l-anzjani u l-isport. Dawn huma għalkollox assenti mill-viżjoni ta’ Joseph Muscat.

Fl-aħħar nett, Joseph Muscat seraq lil Għawdex mill-uniku sptar fuq il-gżira u minflok għaddieh f’idejn interessi kummerċjali sajmin minn esperjenza f’dan il-qasam, fi ftehim li għadu moħbi fil-misteru; u ħoloq tħassib kbir fost il-pazjenti, il-klijenti u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa. Il-Forza Nazzjonali qed timpenja ruħha b’mod ċar li tikkoreġi minnufih dan l-iżball u terġa’ tgħaddi lura l-isptar f’idejn il-pubbliku, waqt li nibqgħu għaddejjin bil-proġett tal-immodernizzar li hu tant meħtieġ.

Dan is-sett fqir ta’ proposti li jidher ċar li nħadmu fl-għaġla tal-mument jikkuntrasta b’mod qawwi mal-impenn tal-Forza Nazzjonali b’risq Għawdex li tippreżenta 100 proposta konkreta – pjan miktub f’Għawdex wara eżerċizzju ta’ konsultazzjoni wiesgħa fuq 16-il tema differenti li dam għaddej fuq 5 xhur.

Il-kumitat reġjonali għal Għawdex qal li l-Forza Nazzjonali għandha pjan u viżjoni konkreti għal Għawdex. Lesta biex taġixxi kemm-il darba tingħata l-mandat demokratiku tal-elettorat.