TURIN – Juventus huma matematikament Champions tal-Italja għas-sitt sena konsekuttiva wara li fil-Juventus Stadium għelbu mingħajr diffikultà lil Crotone 3-0. Juventus fetħu l-iskor wara 13-il minuta meta kien MARIO MANDZUKIC li daħal tajjeb għal kross mil-lemin u mill-viċin għeleb lil Cordaz. L-iskor sar 2-0 fid-39 minuta bi free-kick mill-isbaħ ta’ PAULO DYBALA li ħalla lil Cordaz iħares. ALEX SANDRO ssiġilla r-rebħa fit-83 minuta b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ korner.
MILAN – Milan assiguraw minn post fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa League meta f’darhom għelbu lil Bologna 3-0. Il-gowls ta’ Milan waslu kollha fit-tieni taqsima, b’GERARD DELOFEU jiftaħ l-iskor fid-69 minuta, biex ftit wara kienu KEISUKE HONDA li rdoppja. GIANLUCA LAPADULA ssiġilla r-rebħa b’gowl fid-90 minuta.
EMPOLI – Atalanta jinsabu uffiċjalment fil-fażi tal-gruppi tal-Europa League wara rebħa barra minn darhom fuq Empoli 1-0. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fit-13-il minuta minn ALEJANDRO GOMEZ. Dan ir-riżultat iħalli lil Empoli jissieltu kontra r-relegazzjoni.
GENOVA – Għal kuntrarju, Genoa huma salvi wara li għelbu lil Torino 2-1. LUCA RIGONI fetaħ l-iskor fit-32 minuta, biex GIOVANNI SIMEONE rdoppja l-iskor għaxar minuti fit-tieni taqsima. Torino naqsu d-distakk lejn it-tmiem minn ADAM LJAJIC.
SASSUOLO – Rebħa kbira għal Sassuolo li fil-Mapei Stadium għelbu lil Cagliari 6-2. It-tim ta’ Di Francesco kien jinsab 4-1 sa tmiem l-ewwel taqsima, bil-gowls kollha jaslu minn plejers Taljani. PIETRO IEMMELLO għamilhom 5-1 minn penalty, b’ARTUR IONITA jnaqqas id-distakk. ALESSANDRO MATRI skorja s-sitt fl-aħħar minuti.
UDINE – Udinese u Sampdoria spiċċaw fi draw ta’ 1-1. CYRIL THEREAU fetaħ l-iskor għal Udinese fil-ħames minuta, iżda Sampdoria ġabu d-draw fl-64 minuta minn penalty ta’ LUIS MURIEL.
RUMA – Inter irritornaw għar-rebħ wara nuqqas ta’ tmien logħbiet, b’rebħa ta’ 3-1 kontra Lazio fi Stadio Olimpico. Kienu Lazio li marru minn fuq fit-18-il minuta minn penalty ta’ KEITA BALDE. Inter ġabu d-draw fil-31 minuta minn MARCO ANDREOLLI, biex sitt minuti wara marru fil-vantaġġ b’awto-gowl ta’ Hoedt. Lazio kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas meta tkeċċa bit-tieni karta safra għal simulazzjoni Keita Balde fis-66 minuta. Tmien minuti wara, Inter għalqu l-logħba b’gowl ta’ EDER. Lazio spiċċaw il-logħba b’disa’ plejers wara li tkeċċa wkoll għat-tieni karta safra
Is-Sibt Roma u Napoli komplew l-isfida għat-tieni b’rebħiet kbar. Roma għelbu lil Chievo 5-3 fi Stadio Bentegodi. Kienu Chievo li fetħu l-iskor mal-kwarta logħob b’gowl tajjeb ta’ LUCAS CASTRO, iżda Roma ġabu d-draw fit-28 minuta meta kien STEPHAN EL SHAARAWY li ħa vantaġġ minn nuqqas fid-difiża avversarja u skorja f’lasta vojta.
Chievo reġgħu marru fil-vantaġġ fit-38 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ ROBERTO INGLESE wara kross mix-xellug. Iżda Roma reġgħu ġabu d-draw erba’ minuti wara b’azzjoni personali ta’ MOHAMED SALAH.
STEPHAN EL SHAARAWY poġġa lil Roma minn fuq fit-58 minuta meta reġa’ ħasad lid-difiża u skorja b’xutt fil-baxx. L-iskor sar 4-2 fis-77 minuta b’xutt fil-baxx fuq l-ewwel lasta ta’ MOHAMED SALAH. EDIN DZEKO ssiġilla r-rebħa fit-83 minuta b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa.
Napoli għelbu lil Fiorentina 4-1 fi Stadio San Paola. Kien KALIDOU KOULIBALY li fetaħ l-iskor wara tmien minuti minn azzjoni ta’ korner, biex LORENZO INSIGNE rdoppja fis-36 minuta b’xutt fil-baxx mill-kaxxa.
DRIES MERTENS għalaq il-logħba għal Napoli fis-57 minuta b’gowl mill-viċin, iżda JOSIP ILICIC naqqas id-distakk tliet minuti wara b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni ċentrali. Iżda Napoli reġgħu għamlu l-iskor 4-1 fl-64 minuta meta reġa’ kien DRIES MERTENS li skorja mill-viċin wara xutt ta’ Hamsik kien salvat parzjalment.