Elezzjoni 2017

FILMAT: Wara t-3 ta’ Ġunju se nergħu nkunu kburin li Maltin – Simon Busuttil, Kap tal-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li fadal ġimagħtejn biex il-poplu jissejjaħ jagħżel il-futur ta’ Malta u  jinsab fiduċjuż li Malta se tagħmel l-għażla li tikteb paġna ġdida fl-istorja ta’ pajjiżna, biex wara t-3 ta’ Ġunju nerġgħu nkunu kburin li aħna Maltin.

Meta tkellem f’mass meeting f’Ħaż-Żabbar tard waranofsinhar, Simon Busuttil irringrazzja lil Michael Briguglio, eks-Chairman tal-Alternattiva Demokratika li indirizza wkoll il-mass meeting, li bl-integrità tiegħu qed jagħmel mill-Forza Nazzjonali forza tar-raġuni. Din il-forza għandha komuni l-imħabba lejn pajjiżna Malta.

Meta pajjiżna jsejħilna, kapaċi naħdmu flimkien. Michael Briguglio mhux parti mill-Partit Nazzjonalista imma għandu għal qalbu lill-pajjiżna. Għalhekk flimkien ma’ oħrajn qed jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku fil-Forza Nazzjonali għall-imħabba tal-pajjiż.

Il-poplu qed jara dak li qed jiġri u min imexxi jibqa’ għaddej qisu l-poplu mhux jara u jisma’. Qisu l-poplu mhux juża moħħu. Imma t-tweġiba għal dawn hu li l-poplu mhux se jħalli lil min jgħaddih biż-żmien.

Simon Busuttil qal li fl-aħħar ġimgħat sab ruħu f’sitwazzjoni li ma titwemminx. Kellu jmur hu quddiem il-Maġistrat biex jikxef il-korruzzjoni. Il-Kummissarju tal-Pulizija mhux kapaċi jagħmel xogħlu. L-Avukat Ġenerali jibża’ u mhux jagħmel xogħlu. Għandna Prim Ministru li ssir korruzzjoni taħt imnieħru u jibqa’ ma jagħmel xejn.

Simon Busuttil qal li kellu jkun hu li jmur jirrapporta l-korruzzjoni. Mar b’turrun ta’ provi tal-korruzzjoni mill-klikka ta’ Kastilja. Għandu jkun il-Prim Ministru li meta jara xi ħaġa ħażina jiddikjara li qed isir ħażin. Jekk jara li jkun hemm min qed jagħmel ħażin, anke jekk ikun minn min hu l-aktar qrib tiegħu, għandu jwarrbu.

Jekk il-Prim Ministru mhux kapaċi jagħmel dan, għandu jkun il-poplu li jwarrabhom bil-vot tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hi problema akbar għaliex dak li qed isir mhux limitat f’pajjiżna. Meta nkixef il-ħażin, baqgħu għaddejjin. Fetħu l-kumpaniji barra minn Malta anke meta ammettew li għaġġlu. Dan wassal biex il-ħażen inxtered mal-erbat irjieħ tad-dinja u ċċappas isem Malta.

Issa, jekk il-Prim Ministru hu mċappas mal-korruzzjoni, ma jistax imur jgħid barra minn Malta li jrid inaddaf. Jinħtieġ xi ħadd ġdid u nadif biex inaddaf isem pajjiżna.

Simon Busuttil qal li kien hawn min qal li jrid iwieġeb għall-kritika tal-Partit Nazzjonalista bil-mannara. Issa qed naraw li l-mannara qed taqa’ fuq pajjiżna. Qed tolqot lis-settur tas-servizzi finanzjarji li qed tolqot liż-żgħażagħ. Il-mannara issa qed jużawha l-banek barranin, l-investituri li qed jevitaw lil Malta fl-investimenti tagħhom.

Quddiem din is-sitwazzjoni, li tkissret u ddeġenerat, issa Joseph Muscat qed jappella għall-għaqda nazzjonali. “Diġà hawn għaqda nazzjonali. Hawn Forza Nazzjonali kontra l-korruzzjoni u l-ħmieġ. Hawn forza nazzjonali kontrik għaliex ma wettaqtx il-wegħda tiegħek li tiġġieled il-korruzzjoni,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista

Simon Busuttil qal li l-unika mannara li qed naraw hi fuq l-impjiegi u se jbatu ż-żgħażagħ. Għalhekk hemm bżonn li jkun hawn opportunitajiet ġodda.

Simon Busuttil iddikjara li flok il-korruzzjoni hu jwiegħed:

  • impjiegi f’setturi ġodda;
  • inqas taxxi għall-ħaddiema;
  • inqas taxxi għas-self employed u n-nies tan-negozju;
  • child care b’xejn għal kulħadd;
  • l-akbar investiment fit-trasport, fit-toroq u sistema alternattiva ta’ trasport pubbliku permezz ta’ metro;
  • kura medika b’xejn anke għal dawk li jbatu mill-kanċer;
  • u titjib fil-pensjonijiet.

Dawn huma proposti, fisser Simon Busuttil, li juru li hemm alternattiva għall-korruzzjoni li qed naraw illum.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li qed tixxerred ħafna biża’ bil-gideb. “Tħalluhomx ibeżżgħukom. Ejja bis-saħħa tal-Forza Nazzjonali ma nħallux lil min ibeżża’.”

Simon Busuttil irribatta gideb li qed jixxerred dwar il-kultura tal-logħob tan-nar, dwar il-ħaddiema tax-xatt, dwar l-istipendji tal-istudenti, dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ. Gideb ieħor hu marbut mal-ħlasijiet tal-pulizija jew pensjonijiet tal-ħaddiema tal-korporazzjoni. Jekk hemm xi ftehim li minnhom se jgawdu l-ħaddiema, dawk il-ftehim se jkunu rispettati, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Qed ibeżżgħu ukoll li jekk Gvern Nazzjonalista jieħu l-isptar ta’ Għawdex ma jkunx aktar vijabbli. Sptar pubbliku ma għandux iħares lejn il-profitt imma lejn is-servizz tas-saħħa.  Simon Busuttil staqsa jekk dan ir-raġunament ifissirx ukoll li l-Partit Laburista lest jipprivatizza l-Isptar Mater Dei.

Għall-biża’ li niċħdu xi drittijiet lil-eksħaddiema tax-xatt, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem iddefenda lill-ħaddiema tax-xatt, u l-ħaddiema tax-xatt m’għandhom xejn minn xiex jibżgħu.

Simon Busuttil appella lil dawk li dejjem ivvutaw lill-Partit Nazzjonalista imma fl-aħħar elezzjoni għażlu li jippruvaw lil Joseph Muscat, u qal li hemm fost dawn li verament huma mweġġgħin u bir-raġun. Filwaqt li ammetta li dawn kienu vittmi ta’ żbalji li saru, appella biex dawn jagħżlu l-futur tal-pajjiż.

Appella wkoll lil-laburisti li jinsabu mweġġgħin. Huma wkoll qed jaraw li l-Partit Nazzjonalista qed jgħid il-verità. Huma wkoll iħobbu lil Malta. “Anke intom ġejtu traduti. Ma jixirqilkomx hekk. Il-Partit Laburista lanqas ma jixraqlu hekk.” L-għażla mhix bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista imma bejn Malta u klikka korrotta.

Simon Busuttil appella wkoll lil dawk li ma jħossuhomx marbuta ma’ ebda twemmin politiku partikolari. Dawn jiddeċiedu skont kif jaraw iċ-ċirkostanzi tal-mument u jiddeċiedu. Għad hemm numru kbir minn dawn in-nies. Simon Busuttil appella biex dawn jagħżlu lil Malta.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-poplu miġbur fil-forza nazzjonali għandu jkompli jirsisti u jikkonvinċi lill-bqija tal-poplu b’messaġġ ta’ tama li l-pajjiż jista’ joħroġ mill-isqaq li ddaħħal fih.

Messaġġ ta’ tama li se nkunu lkoll aħwa Maltin għaliex is-sewwa jirbaħ żgur. Il-poplu se jagħżel bejn il-klikka korrotta ta’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri fuq naħa, waqt li fuq in-naħa l-oħra hemm il-forza nazzjonali, hemm pajjiżna.

“Jien ċert li l-poplu se jagħmel l-għażla u se jgħajjat Jiena nagħżel Malta”, temm jiddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li fil-bidu tal-indirizz tiegħu lill-eluf li attendew il-mass meeting f’Ħaż-Żabbar, Simon Busuttil irringrazzja wkoll lil dawk kollha li jħossuhom kburin li huma Maltin, u rringrazzja lil Destiny li għamlet unur lil Malta.