Elezzjoni 2017

Is-sewwa jerġa’ jirbaħ żgur – Beppe Fenech Adami

Fit-3 ta’ Ġunju reġgħet waslet l-opportunità biex is-sewwa jerġa’ jirbaħ żgur. Kull meta l-pajjiż kien f’salib it-toroq, il-poplu dejjem għażel it-t-triq it-tajba. “Għalhekk mal-poplu fit-3 ta’ Ġunju ‘Jiena nagħżel Malta’.

Dan iddikjarah il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit, Beppe Fenech Adami, meta ndirizza mass meeting organizzat f’Ħaż-Żabbar mill-Partit Nazzjonalista u mill-Forza Nazzjonali.

Beppe Fenech Adami qal li l-poplu qed jinġabar għaliex erba’ snin ilu Joseph Muscat wiegħed il-meritokrazija, it-trasparenza, il-kontabbiltà u ġlieda l-korruzzjoni, imma issa spiċċa jmexxi l-aktar Gvern korrott fl-istorja.

Joseph Muscat mhux iżomm il-wegħdiet tiegħu ried, imma jisraq il-vot tal-poplu. L-għada li Joseph Muscat ħa t-tmexxija tal-pajjiż, mill-ewwel kera lilu nnifsu l-karrozza tiegħu stess biex qala’ €35,000 għalih innifsu.

Fakkar ukoll kif bl-email tiegħu stess, Joseph Muscat approva l-ħlas ta’ €4 miljun biex jitħallas id-dejn tal-Cafè Premier. Joseph Muscat ħalla li jitħallsu aktar minn €3 miljun biex jinxtara nofs palazz fil-Belt. Ippermetta wkoll biex mara ta’ Ministru tingħata €13,000 fix-xahar. Din tħallset nofs miljun ewro li setgħu marru għal diversi proġetti, fosthom binjiet ta’ skejjel.

Joseph Muscat f’erba’ snin dar id-dinja biex ibigħ il-passaporti Maltin. Kien is-salesman ta’ kumpanija privata. Issa sar magħruf li Joseph Muscat kien qed ibigħ il-passaporti ta’ Malta biex Keith Schembri jaqla’ l-flus. Jekk dan il-qligħ sar minn tliet passaporti, wieħed jista’ jimmaġina x’daħħal mill-bejgħ ta’ ħafna passaporti oħra.

Beppe Fenech Adami qal li Joseph Muscat ma jistax ikeċċi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi għaliex jekk jgħidilhom li huma korrotti jew li ħammġu isem Malta. Dawn iduru fuqu u jgħidulu li hu għamel agħar minnhom.

Flok għażel li jsalva l-impjiegi u r-reputazzjoni tal-pajjiż, Joseph Muscat għażel li jsalva lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista appella lil dawk li jaħdmu fis-settur tas-servizzi finanzjarji li wasal iż-żmien li ssir għażla. Dawn għandhom jifhmu li fit-3 ta’ Ġunju trid issir għażla. Jew Joseph Muscat ikompli jbiegħ il-passaporti jew Simon Busuttil jiġbor gieħ pajjiżna mill-ġdid.

Beppe Fenech Adami qal li jaf li hemm ħafna, anke Nazzjonalisti li fl-elezzjoni li għaddiet ivvutaw lil Joseph Muscat. Hemm min għadu ma ħax id-deċiżjoni biex jerġa’ lura fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

“Il-Partit Nazzjonalista għandu l-bibien tiegħu miftuħin għalikom. Tgħallimna mill-iżbalji tal-passat u nilqgħukom b’idejna miftuħa.”

Beppe Fenech Adami rringrazzja liż-żgħażagħ li se jkunu l-forza irreżistibbli. Dawn se jgħinu fit-tmexxija tal-pajjiż biex jerġa’ jkun fejn jixraqlu.