Il-Pulizija Torka, f’Ankara, qatlet żewġ suspettati membri tal-grupp terroristiku ISIS li jaħsbu li kienu qegħdin jippjanaw attakk fil-kapital.
Kelliema qrib il-Gvernatur Reġjonali qalu li s-suspettati nqatlu waqt rejd mill-pulizija fuq ir-residenza li huma kienu fiha, fid-distrett ta’ Etimesgut ta’ Ankara – u fejn l-irġiel kienu involuti fi sparatura mal-qawwiet tal-liġi.
Ir-rejd kien organizzat fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta minn membru suspettat ieħor tal-ISIS, li ġej mill-Ażerbajġan. Dan is-suspettat kien arrestat mill-pulizija Torka fil-belt ta’ Istanbul wara li hu, allegatament, ‘kien wassal liż-żewġ suspettati maqtula lejn Ankara’.
L-identitajiet u n-nazzjonalità tas-suspettati maqtula ma kenux żvelati. Intant, l-awtoritajiet Torok qed jaħsbu li ‘l-attakk potenzjali x’aktarx li kien qed ikun ippjanat għall-ġranet li ġejjin’.
It-Turkija, fl-aħħar sena u nofs, intlaqtet minn sensiela ta’ attakki li l-awtoritajiet qegħdin iwaħħlu fuq l-ISIS u l-gwerrillieri Kurdi. L-attakki ħallew mijiet ta’ mejtin fi bliet bħal Istanbul, Ankara u Gaziantep, lejn ix-Xlokk tat-Turkija.
//= $special ?>