It-tennista numru tnejn fid-dinja Novak Djokovic sofra telfa fil-finali tal-Open tal-Italja meta tilef kontra Alexander Zverev.
Fl-istess jum it-tennista mis-Serbja ħabbar li ħatar lill-eks tennista Andre Agassi bħala l-kowċ il-ġdid tiegħu wara li ftit tal-ġimgħat ilu kien neħħa lill-istess tekniku kollu tiegħu.
Hu kien għamel dan minħabba li ma kienx kuntent bir-riżultati li kien qed jikseb dan l-aħħar, speċjalment wara li t-tennista mir-Renju Unit Andy Murray qabżu fl-ewwel post tar-rankings mondjali.
Fl-istess tekniku ta’ Djokovic kien hemm Marian Vajda li kien ilu jaħdem miegħu kważi matul il-karriera kollha tiegħu filwaqt li l-kowċ Boris Becker kien waqaf jaħdem miegħu f’Diċembru li għadda.
Issa se jkun l-Amerikan Agassi li se jibda jmexxi lil Djokovic. Agassi kien irtira mill-isport fl-2006 wara karriera li matulha rebaħ tmien Grand Slams. Agassi u Djokovic bħalissa għaddejin bl-aħħar preparamenti biex nhar il-Ħadd li ġej Djokovic jibda jikkompeti fl-Open ta’ Franza.
Fil-finali tal-Ħadd li għadda Zverev, li għad għandu 20 sena għeleb lil Djokovic bi skor ta’ 6-4, 6-3 f’partita li ntlagħbet fil-belt ta’ Ruma.
Grazzi għal din ir-rebħa l-istess Zverev sar l-iżgħar tennista sa mill-2007 li qatt rebaħ turnament tal-Masters. L-aħħar li għamel dan kien l-istess Djokovic meta kien rebaħ l-Open ta’ Miami. Zverev issa jinsab mal-ewwel 10 fir-rankings mondjali meta sa ftit ġimgħat ilu kien jinsab fis-17-il post.
Zverev kellu bżonn siegħa u 20 minuta biex jirbaħ kontra t-tennista li lbieraħ għalaq 30 sena.
Minkejja li Agassai m’għandu l-ebda esperjenza ta’ kowċing wieħed se jkun qed jistenna li Djokovic imur tajjeb ma dan l-ekstennista li hu wieħed mill-aktar popolari fid-dinja.
//= $special ?>