Lokali

FILMAT: “Illum ninsab iddiżappuntata ħafna b’Joseph Muscat – wara li erba’ snin ilu vvutajt għall-bidla”

Claudine Cassar, imprenditriċi u omm, titkellem dwar id-diżappunt u l-impatt ta' Gvern Laburista fuq pajjiżna

“Erba’ snin ilu emmint li kien hemm bżonn bidla u vvutajt lill-Partit Laburista, u llum ninsab iddiżappuntata ħafna. Jien ma stennejtx li llum kont se nkun hawn fuq programm bħal dan nitkellem hekk miegħek” – kliem emozzjonati tal-imprenditriċi Claudine Cassar, f’intervista fuq il-programm NET Live fuq NET Television.

Claudine Cassar qalet li hi inkwetata kemm bħala imprenditriċi li tiddependi fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u wkoll bħala omm ta’ 3 itfal li trid tgħix f’pajjiż li quddiem l-istituzzjonijiet Maltin kulħadd hu ugwali f’għajnejn il-liġi.

L-imprenditriċi tkellmet ukoll dwar l-importanza li isem pajjiżna ma jiġix imtappan, fejn għamlet referenza għal mod ta’ kif pajjiżi oħra jħarsu lejna. Claudine tkellmet ma’ Financial Controller ta’ kumpanija tal-gaming f’Malta, fejn dan qal li l-kumpanija tagħhom tinsab inkwetata ferm bis-sitwazzjoni li qegħdin fiha.

Claudine Cassar tkellmet kif in-nuqqas ta’ governanza tajba jaffetwa lil kull persuna f’Malta. Jekk verament dawn il-kumpaniji li investew flushom f’pajjiżna jirrelokaw f’pajjiżi oħra, wara li bnejna r-reputazzjoni tagħna fis-snin li għaddew, dan il-proċess jieħu madwar xahrejn jew tliet xhur biex jitilqu – u li jtellef l-impjiegi, l-kirjiet u numru ta’ oqsma fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Quddiem dan kollu, Claudine Cassar qalet li pajjiżna issa jinsab wiċċ imb’wiċċ ma’ eżami fejn id-dinja kollha se tkun qed tħares lejna u tara kif se nikkonfrontaw il-korruzzjoni.

Ara l-intervista kollha: