Harry Kane temm l-istaġun bħala l-aqwa skorer tal-Premiership b’total ta’ 29 gowl. Fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat hu skurja hat-trick kontra Hull biex għeleb l-isfida tal-attakkanti ta’ Everton Lukaku u ta’ Arsenal Sanchez.
Ta’ min jinnota li dak li għamel Kane hu ferm impressjonanti meta wieħed iqis li hu tilef tmien partiti mill-Premiership filwaqt li Lukaku tilef biss logħba.
Il-plejer Belġjan skurja 25 gowl u Sanchez sab ix-xibka 24 darba. Din kienet l-ewwel darba li Sanchez skurja aktar minn 20 gowl fi staġun wieħed.
Kane, li għandu 23 sena, diġà beda jaħseb fuq l-istaġun li ġej u qed jimmira li jilħaq iċ-ċifra ta’ mitt gowl fil-Premiership hekk kif s’issa skurja 78.
Grazzi għal dan is-suċċess Kane sar l-ewwel plejer sa mill-2013 li għal sentejn konsekuttivi spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat. L-aħħar li għamel dan kien Robin van Persie meta l-ewwel temm bħala l-aqwa skorer bħala plejer ta’ Arsenal fl-istaġun 2011-12 u sena wara għamel l-istess ħaġa bil-flokk ta’ Manchester Utd.
Intant, l-attakkant ta’ Stoke City Peter Crouch sar l-ewwel plejer fl-istorja tal-kampjonat Ingliż li skurja 50 gowl bir-ras. Hu għamel dan meta skurja kontra Southampton. Dan kien is-sitt gowl tiegħu fil-kampjonat.
Kemm Kane u Crouch libsu l-flokk tat-tim nazzjonali Ingliż matul dawn l-aħħar snin.
//= $special ?>