Sport Sport Ieħor

MOTOGP – Vinales jirbaħ il-Grand Prix ta’ Franza

Vinales

Is-sewwieq tal-Yamaha Maverick Vinales kiseb rebħa drammatika waqt il-Grand Prix ta’ Franza li sar nhar il-Ħadd li għadda. Hu approfitta minn żball kbir tat-Taljan Valentino Rossi fl-aħħar dawra.

Għal Vinales din kienet it-tielet rebħa tas-sena u warajh daħal is-sewwieq Franċiż Johann Zarco li bla dubju kiseb riżultat mill-aqwa quddiem il-pubbliku tiegħu stess.

It-tellieqa kienet waħda mimlija emozzjonijiet u hekk kif kien fadal żewġ dawriet għat-tmiem Rossi qabeż lil Vinales u kollox deher li kien se jkun hu li jtemm rebbieħ. Iżda hu ħa żball fil-brejkijiet u Vinales mal-ewwel reġa’ mar fuq quddiem.

Hu temm 3.1 sekondi qabel Zarco li minn naħa tiegħu kien aktar minn erba’ sekondi qabel Dani Pedrosa li daħal fit-tielet post.

Anke għar-raba’ post kien hemm sfida bejn tnejn u kien Dovizioso li għeleb l-isfida ta’ Crutchlow.
Il-Grand Prix li jmiss se jsir fl-Italja fl-4 ta’ Ġunju. Bla dubju Rossi se jkun qed jagħmel minn kollox biex iwettaq reazzjoni wara d-disfatta tal-Ħadd.